Nistenna li l-Gvern jaqbel mat-talba li se titressaq għada, biex l-Abbozz ta’ Liġi li ħabbar ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista u li fih 12-il Abbozz ieħor biex ikunu indirizzati nuqqasijiet li naqas milli jindirizza dan il-Gvern, jiġi diskuss mill-aktar fis fil-Parlament. Dan anke wara li l-Prim Ministru stess ilbieraħ, u reġa’ kkonferma dalgħodu stess, irreaġixxa billi qal li kien qed jaħdem fuq Abbozzi simili.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq NET Television, fejn saħaq li minkejja d-diversi sejħiet biex Robert Abela jimplimenta r-rakkomondazzjonijiet ħalli f’pajjiżna tieqaf l-impunitá u tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalitá organizzata, Abela baqa’ ma ħax deċiżjonjiet.
Bernard Grech fakkar li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista approva unanimament u b’mod magħqud dan l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li jgħin biex Malta ma tibqax fil-lista l-griża tal-FATF.
Dwar il-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella mill-ġdid biex fid-dawl ta’ numri kbar ta’ każi, għandhom jiġu permessi self-testing kits li jkunu regolati. Hu apella mill-ġdid għat-trasparenza mill-Gvern fid-deċiżjonijiet li jieħu, filwaqt li tenna l-appell biex il-wage supplement jiġi estiż sa mill-anqas l-aħħar ta’ Marzu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza wkoll għar-rabja kbira li hemm bħalissa fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija, f’każ ieħor fejn tifhem għax hemm min, fosthom Pulizija stess, li ma jħossuhomx siguri f’Malta. Għax meta jitnawwru l-istituzzjonijiet, dan hu r-riżultat, li ma tħossokx sigur f’darek. Tenna li għad hemm spjega li trid issir mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Bernard Grech saħaq li l-Gvern ukoll jinsab ikkritikat u bir-raġun dwar l-infieq żejjed u t-tberbiq ta’ flus fid-diversi Dipartimenti tiegħu. Tberbiq li fi ftit kliem jista’ jiġi deskritt bħala taxxa fuq il-poplu Malti, it-taxxa tal-korruzzjoni, għax huma flus li faċilment jistgħu jiġu investiti fil-poplu Malti u Għawdxi. Tenna li dan hu abbuż li jekk ikun indirizzat, il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti titjib.
Hu temm l-intervista billi saħaq li meta nibżgħu għar-riżorsi u l-flus tal-poplu tagħna nkunu nistgħu nużawhom b’aktar għaqal u b’responsabbiltà ħalli nwieżnu lill-ħaddiema, lill-anzjani tagħna u lill-frontliners. Dan jista’ jsir billi, fost l-oħrajn, innaqqsu l-piż tat-taxxa fuqek, innaqqsu l-VAT fuq ir-ristoranti u nagħtu lura l-flus li nsterqulek mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.