Lokali

Abela ma jagħtix garanzija li se jestendi l-wage supplement lil kulħadd

Surreali u prużuntuż.

Hekk ġie deskritt diskors il-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela waqt intervista fuq il-media Laburista l-Ħadd filgħodu, fejn mistoqsi dwar il-pandemija fil-Gżejjer Maltin, saħaq li arroganza mal-virus qatt ma kien hemm.

Dan filwaqt li saħaq li jemmen li ġej żmien sabiħ għal pajjiżna, minkejja li bosta esperti qed jisħqu li l-pandemija għad trid turi aktar snienha.

Diskors ta’ kontradizzjoni enormi meta l-poplu jibqa’ jiftakar il-mod li bih kien mexa Abela fl-ewwel sajf tal-pandemija.

Mewġa wara mewġa, issa wara sentejn inħabbtu wiċċna mal-pandemija, ninsabu b’aktar minn 14,000 każ pożittiv u b’għexieren ta’ eluf maqfulin f’darhom, fi kwarantina, għad-detriment tan-negozji u kumpaniji lokali li jinsabu b’diversi ħaddiema ‘l bogħod mill-post ta’ impjieg tagħhom.

Minkejja l-ħafna kliem frivolu, Abela ma offra ebda wens għall-eluf ta’ persuni li jinsabu msakkrin fi djarhom, bir-riskju inevitabbli ta’ problemi ta’ saħħa mentali kemm mill-ansjetà u anke mis-solitudni li qed iġarrbu.

Iżda minflok ma offra serħan il-moħħ, Abela kompla jinsisti li l-wage supplement se jkun estiż biss sal-aħħar ta’ Jannar. Dan filwaqt li spjega li għas-settur tat-turiżmu jaf jiġi estiż lil hinn mill-aħħar ta’ dan ix-xahar, għalkemm ma qalx sa meta, għajr li ma jridx li l-ħaddiema jkunu dipendenti fuq l-għajnuna tal-Gvern minflok ma jerġa’ jirrepeti ċar u tond id-diskors li kien qal f’Mejju tal-2020.

Dan kollu filwaqt li ma lissen l-ebda kelma dwar l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet, li qed tkun ta’ piż għall-familji Maltin u Għawdxin, bl-aħħar żieda tkun fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib.

Minflok, il-Prim Ministru għoġbu jinfexx f’attakk partiġġjan kontinwu fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara l-konferenza tal-aħbarijiet tas-Sibt, fejn kien ippreżentat Abbozz ta’ Liġi li jirrispetta u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Abela insista li mhux minnu li l-Gvern baqa’ rieqed għax hu jieħu d-deċiżjonijiet partikolarment ma’ niesu stess.

Iżda l-verità hi li, minkejja l-iskandli regolari li smajna matul l-aħħar disa’ snin, l-uniku Deputat li ħallas prezz politiku kien Silvio Grixti, li spiċċa għamel il-wisa’ għal sieħeb Abela, Andy Ellul.

Fil-fatt, ħadd aktar ma kien imġiegħel minn Abela biex jerfa’ l-piż fosthom Justyne Caruana, li rriżenjat minn rajha minn Ministru iżda għadha Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar, li wkoll għadha Membru Parlamentari tal-Gvern u Edward Zammit Lewis, li għadu qed jokkuppa l-kariga ta’ Ministru tal-Ġustizzja minkejja ċ-chats li ġew ippublikati bejnu u Yorgen Fenech wara li dan diġà kien magħruf li kien sid il-kumpanija sigrieta 17 Black.

Tags