Lokali

Aquilina qed jingħata l-kura għal psikożi – jaf fadal ġimgħat qabel jitressaq il-Qorti

Sorsi qrib it-Times jiżvelaw li ammetta l-qtil mal-Pulizija

Jaf fadal diversi ġimgħat oħra qabel ma’ Abner Aquilina jitqies li jista’ jitressaq il-Qorti b’rabta mal-omiċidju brutali ta’ Paulina Dembska, hekk kif sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta spjegaw li qed jingħata mediċina qawwija hekk kif jinsab rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli.

Dan hekk kif iż-żagħżugħ ta’ 20 sena ttieħed l-isptar jum wara li kien arrestat b’rabta mal-omiċidju li seħħ f’Tas-Sliema fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Jannar. Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw li filwaqt li ammetta mal-investigaturi li qatel lill-Pollakka ta’ 29 sena, huwa qalilhom kemm-il darba li fil-lejl tal-qtil kelmu x-xitan u ordnalu sabiex joqtol. Huwa insista li kien qed jagħmel xogħol Alla madanakollu x-xitan xorta waħda daħallu fi ħsibijietu.

Kien hawn li l-pulizija kellhom jissospendu l-interrogazzjoni ta’ Aquilina sabiex iħallu l-esperti psikjatriċi jagħmlu l-evalwazzjoni tagħhom dwar is-saħħa mentali tal-isusspettat.

Sorsi qrib it-Times żvelaw li qed jingħata mediċini qawwijin sabiex jikkurawlu l-psikożi u li qed jinżamm f’kamra waħdu mgħasses minn uffiċjal tal-Pulizija. Huma insistew li ż-żagħżugħ miż-Żejtun ma jidhirx li huwa jrid ineħħi ħajtu b’idejh.

Ġie spjegat ukoll li t-tobba li qed jikkuraw lil Aquilina qalu li qed isofri minn psikożi, kundizzjoni li taffettwa l-moħħ u jaf iġġiegħel lil persuna, tisma tara jew temmen affarijiet li mhux reali. Ta’ min wieħed jinnota li l-psikożi hija sintomu u mhux marda, li tiġri konsegwenza ta’ mard, ġrieħi fiżiċi, abbuż ta’ drogi jew trawmi estremi…kif ukoll mard mentali bħal skizofrenija jew disturb bipolari.

Madanakollu ġie spjegat li jistgħu jgħaddu ġimgħat sħaħ sakemm it-tobba jiddeterminaw jekk il-mediċini qed taħdem fuq Aquilina jew le sabiex ikun jista jitressaq il-Qorti, madanakollu ġie spjegat li f’każ estrem, il-Pulizija xorta waħda tkun tista’ tressqu l-Qorti minkejja l-problemi legali li dan jista’ joħloq.

Il-kadavru ta’ Paulina Dembska instab kmieni l-Ħadd filgħodu fi Ġnien l-Indipendenza, il-ġnien fejn normalment kienet tinżel titma’ l-qtates. L-awtopsja kkonfermat li sfortunatament it-tfajla ġiet stuprata kif ukoll fgata filwaqt li kellha xi ġrieħi f’rasha wkoll.

Mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-aggressur u l-vittma ma kinux jafu lil xulxin.