Internazzjonali

Covid: L-iskejjel fl-Italja għandhom jiftħu minn għada

L-iskejjel fl-Italja se jiftħu għada u skont il-programm stabbilit qabel il-btajjel tal-Milied. Dan minkejja s-sejħiet biex l-awtoritajiet tal-edukazzjoni fil-pajjiż jirritornaw mill-ġdid għal sistema ta’ distance learning li tevita l-kuntatti bejn l-għalliema u l-istudenti.

L-Italja għaddejja minn spinta tal-varjant Omicron tal-Covid-19, iżda l-Ministru Taljan għall-Edukazzjoni,Patrizio Bianchi, ċaħad is-sejħa ta’ ‘il fuq minn 1,500  kap tal-iskejjel biex il-ftuħ tal-iskejjel ikun pospost b’ġimgħatejn oħra, bil-għan li t-tfal tal-iskola kollha jingħataw it-tilqima kontra l-virus.

Sadanittant, il-Gvern Taljan sostna li l-klassijiet ikollhom jerġgħu jaddottaw sistemi ta’ tagħlim li ma jirrikjedux il-kuntatti bejn in-nies (jew aħjar sistema ta’ distance learning) f’sitwazzjonijiet fejn il-klassijiet rispettivi jirrappurtaw talanqas erba’ każi ta’ infezzjoni bil-Covid.