Lokali

David Thake jirriżenja mix-Shadow Cabinet u jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-PN

David Thake irriżenja b’effett immedjat mix-Shadow Cabinet kif ukoll issospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Dan ħabbru huwa nnifsu fuq il-midja soċjali fejn spjega li se jkun qiegħed jissospendi lilu nnifsu sakemm il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler jinvestiga l-każ tiegħu – investigazzjoni mitluba minn Thake stess dwar ħlasijiet pendenti ta’ taxxa fil-kumpanija tiegħu.

Huwa ppreżenta r-riżenja tiegħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech liema riżenja huwa aċċetta.

Rigward l-istorja dwaru fil-ħarġa tal-Ħadd tal-MaltaToday, David Thake insista b’mod ċar u tond li kull ammont dovut lid-Dipartiment tal-VAT kienu marbuta ma’ skema ta differiment ta’ taxxa maħruġa mill-Gvern stess fil-perjodu tal-pandemija tal-Covid-19…u li ġew akkumulati fl-aħħar sentejn.

Intant Bernard Grech insista li dawn huma l-istandards li jemmen fihom u jipprattika l-Partit Nazzjonalista għal kuntrarju ta’ Robert Abela li ma jiddeċidix quddiem każijiet serji ta’ governanza fil-grupp parlamentari tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ebda tentattiv tal-Prim Ministru sabiex jiddevja l-attenzjoni mill-fatt li pajjiżna qed iħabbat wiċċu ma’ problemi varji kawża tal-indeċiżjoni tiegħu ma huwa se jirnexxi.

Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum irċieva u aċċetta r-riżenja tal-Onor. David Thake minn Kelliem tal-Oppożizzjoni u s-sospensjoni tiegħu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Dan sakemm il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jlesti investigazzjoni li talab l-Onor. Thake stess dwar ħlasijiet pendenti ta’ taxxa fil-kumpanija tiegħu.

Bernard Grech qal li dawn huma l-istandards li jemmen fihom u jipprattika l-Partit Nazzjonalista. Dan kuntrarju għal mod kif Robert Abela ma jiddeċidix quddiem każijiet serji ta’ governanza fil-grupp Parlamentari tiegħu fosthom fil-każ tad-deputat Ian Castaldi Paris, li baqa’ fil-grupp parlamentari tal-Partit Laburista minkejja li qed jaffaċċja investigazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa fuq ġid mhux spjegat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ebda tentattiv tal-Prim Minsitru biex jiddevja l-attenzjoni mill-fatt li pajjiżna qed jiffaċċja problema ta’ governanza kawża tal-indeċiżjoni tiegħu mhu se jirnexxi.