Lokali

Għada jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament

Kandidat ieħor Laburista jieħu l-ġurament fi klima ta’ qasmiet u aktar diverġenzi fil-Partit Laburista

Wara l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, għada jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament bl-aktar aspett importanti fuq l-Aġenda ikun l-għoti ta’ ġurament ta’ lealtà lill-Avukat Andy Ellul li se jingħata siġġu parlamentari f’isem il-Partit Laburista… il-ħames co-option fl-era tal-Prim Ministru Robert Abela.

Il-co-option ta’ Andy Ellul fil-Parlament issegwi qasmiet u diverġenzi fil-Partit Laburista hekk kif wara r-riżenja tat-Tabib Silvio Grixti minn Membru Parlamentari Laburista għaliex qed ikun investigat mill-Pulizija dwar ħruġ ta’ ċertifikati foloz, Robert Abela wassal messaġġ lill-kandidati tat-Tielet Distrett biex ħadd minnhom ma jazzarda jitfa’ n-nomina tiegħu fl-Elezzjoni Kawżali li kellha ssir nhar it-Tlieta li għadda.

Minflok Robert Abela ħabbar li kif għamel erba’ darbiet oħra fix-xhur li għaddew, kien qed jinnomina lil Andy Ellul biex isir Membru Parlamentari Laburista… l-istess kif ġara fil-konfront ta’ Clyde Caruana u Miriam Dalli, attwalment it-tnejn Ministri, u Oliver Scicluna u Jonathan Attard li lkoll kienu co-opted u qabżu lil sħabhom kandidati fil-Partit Laburista.

Il-mottiv wara din il-manuvra tal-Prim Ministru Robert Abela li flok tħalli l-kors ta’ elezzjoni każwali tieħu l-kors tagħha, jintervjeni direttament hu biex fil-Parlament jeleġġi lil min irid hu biss b’riżultat tal-fatt li l-istess Robert Abela jaf li fil-Grupp Parlamentari Laburista hemm fazzjoni mhux żgħira li ma hix leali lejh.

Fil-ftit ġimgħat għall-elezzjoni ġenerali l-magna tal-Partit Laburista se tibqa’ taħdem fuq dan il-binarju biex fl-elezzjoni ġenerali jibqgħu l-art Membri Parlamentari attwali bħal Joe Mizzi, Silvio Parnis, Anthony Agius Decelis, Anton Refalo u oħrajn.

Il-veru problema kbira li Robert Abela jrid jibqa’ jiffaċċja jisimha ‘Chris Fearne’ li hu b’saħħtu elettoralment, fil-Kabinett u anki fl-istrutturi tal-Partit Laburista u mhux se tkun faċli għal Robert Abela li jirnexxielu jbigħlu b’suċċess in-nomina ta’ Kummissarju Malti għall-Unjoni Ewropea darba l-Kummissarju attwali – Helena Dalli – jintemmilha t-terminu tagħha.