Edwin Vassallo, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Agrikoltura, is-Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, appella lill-Gvern Laburista biex ma jibqax itertaq qalb il-bdiewa li qed jaraw ir-raba’ li ħadmu għal għexieren ta’ snin jitteħdilhom mis-sidien, u jilleġiżla biex din il-kwistjoni tkun indirizzata ħalli l-interessi ta’ kulħadd ikunu salvagwardati.
Hu wissa’ li jkun gwaj kbir għal pajjiżna jekk jispiċċa mingħajr provista ta’ ikel frisk Malti u nispiċċaw irridu nimportaw kollox. Għalhekk il-Gvern għandu japprezza x-xogħol li qed jagħmlu l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala Maltin u Għawdxin, u jgħinhom b’mod tanġibbli biex anki huma jaħdmu b’serħan il-moħħ.
Edwin Vassallo beda biex qal li waħda mill-akbar problemi li qed jiffaċċjaw ħafna mill-bdiewa hi s-sitwazzjoni fejn numru ta’ sidien qed jieħdu lura bil-Qorti r-raba’ tagħhom.
Filwaqt li sentenza li għadha kemm inqatgħet dan l-aħħar mill-Imħallef Lawrence Mintoff, qed toffri konsolazzjoni għal dawn il-bdiewa li jaraw li finalment issir ġustizzja magħhom ukoll.
F’din il-kwistjoni kollha tajjeb li naraw isseħħ ġustizzja sħiħa… jiġifieri kemm mas-sidien tal-art, jiġifieri tar-raba’ li għandhom kull dritt li jkollhom it-titlu fuq ir-raba’ tagħhom u li jiġġestixxu kif jixtiequ l-istess raba’ tagħhom, kif ukoll mal-istess bdiewa li għal snin twal ħadmu din ir-raba’ u pproduċew prodotti friski Maltin għas-suq Malti u Għawdxi.
Iżda filwaqt li ssir ġustizzja ma’ dawn is-sidien, trid issir ukoll il-ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi li għandu wkoll id-drittijiet tiegħu għall-ikel frisk.
Edwin Vassallo fisser li t-tħassib tiegħu hu li fil-liġijiet li jeħtieġ li jkollna f’pajjiżna biex naraw li din il-ġustizzja ssir u tidher li qed issir fit-totalità tagħha, hemm bżonnn li naraw li jkollna liġijiet li jipproteġu l-provista tal-ikel frisk.
Dan filwaqt li nipproteġu x-xogħol tal-bidwi għall-valur tad-dominju soċjali li x-xogħol tal-bidwi għandu lejn is-soċjetà. Meta wieħed jikkunsidra li l-ammont tal-bdiewa qiegħed jonqos drastikament, u f’pajjiżna l-ammont ta’ raba’ qiegħed jonqos ukoll b’mod mgħaġġel u drastiku, allura jeħtieġ li jkollna liġijiet li jibdew jiddefendu l-provvista tal-ikel frisk. Dan filwaqt li jiddefendu wkoll ix-xogħol tal-bidwi.
Edwin Vassallo kompla li hu jikkritika lill-Gvern, f’dan il-każ lill-Ministru Anton Refalo, li ilu x-xhur jgħid li qed iħejji din il-liġi iżda sa issa għadu m’għamel xejn b’mod tanġibbli. Nikkritika wkoll lill-Gvern kollu għaliex attwalment din il-kwistjoni hi responsabbiltà tal-Gvern li jħarrek saqajh u b’mod immedjat jilleġiżla dwar dan is-suġġett daqstant importanti.
Edwin Vassallo żied li għaldaqstant, dan kollu jixhed li dan il-Gvern hu komdu bis-sitwazzjoni kif inhi. Jekk mhux ukoll dan il-Gvern mhux qed iressaq il-liġi jew għaliex mhux kompetenti jew għaliex qiegħed jiffavorixxi li r-raba’ jinqered taħt l-ispekulazzjoni milli jara li jsalva l-provista tal-ikel friska għall-poplu tagħna.
Hu qal li hu jemmen li f’pajjiżna għandna bżonn urġenti ta’ liġi li tipproġeti l-provista tal-ikel frisk u dan għandu jkun fattur mill-aktar importanti. Hemm bżonn li nassiguraw lir-raba’ jibqa’ jinħadem. Irridu nassiguraw ukoll li l-prezz tar-raba’ ma jkunx stabbilit mill-ispekulaturi u skont il-veduta, iżda minn kemm dan ir-raba’ jkun kapaċi jipproduċi biegħa f’kull sena. Hekk nibdew noqorbu lejn prezz ġust tar-raba’ mhux skont l-ispekulazzjoni, imma skont ta’ kemm jipproduċi l-istess raba’.
Prinċipju ieħor li jrid ikun salvagwardat hu xogħol il-bidwi u xogħol ir-raħħal għaliex din il-ħidma, filwaqt li tipprovdi l-għajxien għall-familji rispettivi li jaħdmu fih, hu xogħol ta’ dominju soċjali għaliex mingħajr dan ix-xogħol poplu sħiħ ma jistax imantni lilu nnifsu.
Mistoqsi dwar kif jippargunaw il-produzzjoni lokali mal-importazzjoni tal-istess prodotti kemm għar-rigward tal-prodotti agrikoli kif ukoll għall-prodotti ta’ laħam, Edwin Vassallo spjega li filwaqt li bħala pajjiż ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma nimportaw l-ikel, anzi nenħtieġu l-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel – kemm jekk fi ħxejjex u anki f’laħmijiet diversi – madankollu neħtieġu li legalment, bħal pajjiżi oħrajn imsieħba fl-Unjoni Ewropea, ikollna l-istrutturi legali meħtieġa li jiddefendu l-provista tal-ikel tagħna.
F’pajjiżna diġà għandha numru ta’ liġijiet li bihom nistgħu nipproteġu l-provista kemm tal-ħxejjex u anki tal-laħmijiet li nipproduċu, kontra dak li hu magħruf bħala ‘dumping’ fis-sens ta’ prodotti tal-ikel li jkunu kważi ġew skaduti f’pajjiżi oħrajn, iżda b’xi mod jispiċċaw importati f’pajjiżna.
Edwin Vassallo qal li problema oħra hi dik li tirrigwarda t-traġitt tal-prodotti importati f’pajjiżna. Dak kollu li jidħol taħt il-kappa tal-ekonomija s-sewda, għaliex mhux regolat u mhux magħruf mal-Awtoritajiet, jispiċċa joħloq kompetizzjoni inġusta mal-prodotti fis-suq lokali.
Edwin Vassallo spjega wkoll li filwaqt li waħda mill-akbar problemi li qed jara fil-preżent hi li f’pajjiżna diġà teżisti r-regolamentazzjoni kollha meħtieġa fejn tidħol l-importazzjoni tal-prodotti tal-ikel, u l-ħarsien tal-provista tal-ikel frisk Malti, l-għarfien tal-valur tal-ħidma ferm importanti tal-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied Malti u Għawdxi hi kollha riżultat tan-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Gvern li jagħmel xi ħaġa f’dan ir-rigward u n-nuqqas ta’ ħila u kompetenza li joffru d-direzzjoni mixtieqa.
Din l-attitiduni tfisser li l-Gvern ma jimpurtahx mill-ikel frisk Malti u anqas milli jipproteġi l-ħidma li qed iwettqu l-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.
Edwin Vassallo enfasizza li issa l-Gvern ilu aktar minn sena jaħli l-ħin biex iressaq din il-liġi li tagħmel ġustizzja mal-bidwi u d-dritt tal-poplu għall-provista tal-ikel frisk tiegħu. In-numru ta’ bdiewa li qed jitilfu l-kawżi fil-Qrati tagħna u jitkeċċew mir-raba’ tagħhom qed dejjem jikber.
Edwin Vassallo spjega fid-dettall li l-Gvern ilu issa aktar minn sena jwiegħed li se jressaq liġi li filwaqt li tibqa’ tħares id-dritt fundamentali tas-sidien tar-raba’ għat-titlu tagħhom, bħala liġi tara li toħloq salvagwardja għax-xogħol tal-bidwi u fuq kollox ukoll biex ikun imħares id-dritt fundamentali tal-poplu Malti u Għawdxi għall-provista tal-ikel frisk tiegħu.
Hu qal li għalhekk il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern biex bla telf ta’ żmien iressaq din il-liġi li ilha tant żmien tiġi mwegħda.
“Aktar mal-Gvern qed jaħli l-ħin aktar qed juri li hu Gvern li ma jimpurtahx la mill-weġgħat u l-problemi li qed jgħixu fihom il-bdiewa, kif ukoll qed juri li dan huwa gvern li ma jimpurtahx milli jwettaq dmiru u jħares id-dritt fundamentali li l-poplu jkollu l-provista tal-ikel frisk.”
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jinnota li dan it-tkaxxir tas-saqajn u ħela ta’ ħin min-naħa tal-Gvern huwa kollu sinjal ta’ nuqqas ta’ ħila u rieda li dan il-gvern isolvi din il-problema.
Edwin Vassallo kompla li Gvern ġdid Nazzjonalista għalhekk iniedi skema ta’ għajnuna biex bdiewa attivi jakkwistaw direttament ir-raba’ tagħhom b’self bla interessi u bla spejjeż garantit ukoll taħt skema tal-gvern minn fond apposta disponibbli bħala garanzija mal-banek. Tali skema tkun miftuħa għall-bdiewa kollha eżistenti li jridu jakkwistaw raba’ mingħand il-privat.
B’dan il-mod nindirizzaw indirettament il-kwistjoni tal-bżonn ta’ prezz ġust għar-raba’ privat li bħalissa qed taħt skrutinju tal-qrati. Tali skema tkun miftuħa wkoll għal bdiewa żgħażagħ li jridu jidħlu fil-mistier agrikolu.
Gvern ġdid Nazzjonalista jniedi wkoll skema ta’ għajnuna diretta fuq il-ħlas ta’ qbiela fuq art privata. Tali skema tkun tinkludi rimbors sa sebgħin fil-mija tal-prezz tal-qbiela għal bdiewa li jagħtu prova ta’ produzzjoni ta’ ħxejjex u frott mibjugħa fuq is-suq lokali, b’dan inkunu qed nistimulaw u ninkoraġixxu l-produzzjoni u l-konsum tal-prodott Malti.
L-iskemi kollha msemmija jkunu kompletament volontarji u jkunu bla preġudizzju għal trattattivi oħra li jistgħu jsiru bejn privati fuq qbiela privat u bla preġudizzju għas-sentenzi tal-Qorti.
Fl-istess waqt u indipendentement minn dan, jeħtieġ li jitħaffef il-proċess ta regolarizzazzjoni ta’ qbiela tal-Gvern u li jiġu deċiżi l-bosta każijiet ta’ qbiela mal-Gvern bi kwistjonijiet pendenti ta’ titlu jew reġistrazzjoni. Għal dan il-għan għandu jinħoloq bord amministrattiv ad hoc bis-setgħa li jaqta’ każijiet f’qasir żmien bi struzzjoni lill-awtoritajiet tal-Gvern inkluż id-Dipartiment tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Artijiet.
//= $special ?>