Lokali

Il-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti biex zona protetta fil-Mellieħa tingħata għaż-żamma tan-naħal

Ħadma oħra fid-dawl tax-xemx?

Fis-17 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra  fil-Gazzetta tal-Gvern inħarġet sejħa għall-offerti Numru 122 biex il Gvern ta’ Malta jagħti porzjoni estensiva ta’ art pubblika – ċirka 3,648 metru kwadru – fi Triq l-Għerien fil-Mellieħa u dan b’titolu ta’ kera għal ħmistax-il sena biex jitkabbar u jinżamm in-naħal fiha għal skop ta’ produzzjoni ta’ għasel Malti. Ir-residenti tal-akkwati u l-inħawi qed jissuspettaw li din ma hi xejn għajr ħadma oħra tal-Gvern fid-dawl tax-xemx.

Il-Mument tkellem mar-residenti konċernati li fissru li kif jirriżulta mill-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 0681 tas-sena 2000, din l-art in kwistjoni flimkien ma’ porzjoni ta’ art akbar formanti parti mill-wied ta’ Għajn Żejtuna fil-Mellieħa, ingħatat protezzjoni u kienet skedata bħala sit ta’ importanza ekoloġika Grad 2 u ta’ importanza arkeoloġika Grad B. 

L-art in kwistjoni hi bla dubju zona predominantement urbana u residenzjali kif jirriżulta mill-Iskemi tal-Bini tal-Awtoritajiet tal-Ippjanar. L-art in kwistjoni hija mdawra b’bungalows, vilel u appartamenti u b’artijiet oħra fl-Iskema għall-Bini. L-art hija cliff edge u fil-parti l-kbira tagħha mhijiex adattata għan-naħal.  L-art in kwistjoni hija esposta għalkollox għall-irjieħ qawwija mit-Tramuntana, li għalhekk jirrendi din l-art inadegwata biex jinżamm in-naħal fiha.

Għaldaqstant, meta wieħed iqis dan kollu, wieħed ma jistax ma jasalx għall-konklużjoni li min qiegħed wara din l-applikazzjoni, qed jippreżenta ruħu bħala bniedem li taparsi għandu l-interess li jżomm in-naħal, meta l-intenzjonijiet ulterjuri huma li eventwalment jirrovina din l-art u jdaħħalha fiz-zona tal-iżvilupp.

Il Kunsill Lokali tal-Mellieħa ilu għal dawn l-aħħar tletin sena jsostni li din l-art, li hi l ewwel waħda li ngħatat protezzjoni tal-iskedar, tinżamm fl-istat naturali tagħha u tkun gawduta mill-pubbliku kollu. Tant u tant nies ta’ kuljum imorru proprju madwar dan is-sit biex jammiraw il-veduti uniċi li jestendu sa Għawdex u lil hinn. Fil-festa tar-raħal jinġabru mijiet ta’ Maltin biex isegwu l-festa u l-logħob tan-nar minn madwar din sit.

Il-Kunsill Lokali għamel ilmenti mal-Awtorità tal-Artijiet dwar din is-sejħa għall-offerti partikulari, u insista li din l-art għandha tibqa’ tinżamm fl-istat naturali u tibqa’ titgawda mill-pubbliku in ġenerali.

Sadattant, dwar din il-kwistjoni taħraq fil-5 ta’ Jannar ta’ din is-sena, jiġifieri ftit tal-jiem ilu biss, kienet ippreżentata petizzjoni lill-Awtorità tal-Artijiet, lill-Ministru Silvio Schembri u lill-Parlament Malti. Din il-petizzjoni kienet iffirmata minn madwar 125 resident tal-madwar u l-inħawi tas-sit u l-iskop tal-petizzjoni kien biex din is-sejħa għall-offerti titwaqqaf minnufih; biex din l-art ma tingħatax lil terzi u tinżamm bħala art pubblika u belveder biex titgawda minn kulħadd; u biex ikun evitat l-isfruttament qarrieqi ta’ min għandu biss f’moħħu l-intenzjonijiet egoistiċi li jżomm u jiżviluppa din is-sit uniku għall-vantaġġ tiegħu personali u għad-detriment tar-residenti Melleħin u għad-detriment tal-pubbliku Malti kollu u t-turisti li jżuru dawn l-inħawi.

F’kummenti lil Il-Mument, residenti qalulna li jidher ċar mis-sejħa għall-offerta li l-iskop huwa malizzjuż. Bi skuża tan-naħal jikkapparaw  art pubblika bi skopijiet li ’l quddiem jiżviluppawha.

Huma qalulna li hi tassew ħasra li art pubblika tant sabiħa u b’veduta mill-isbaħ tinħataf minn żvilupatturi biex jissodisfaw l-egoiżmu tagħhom u dan b’detriment għall-pubbliku u għat-turisti li ta’ kuljum jiffrekwentaw u jitpaxxew bil-ġmiel ta’ din l-akkwata  u tal-veduta tassew unika.

L-istess residenti qalulna li din hi art skedata fuq grad ogħli għall-ambjent ekoloġiku u arkeoloġiku qed tkun mhedda minn persuna jew aktar li  ċertament m’għandhom ebda rispett la lejn l-ambjent u anqas lejn il-pubbliku.

Huma temmew jgħidu li ma jistgħux jifhmu kif l-Awtorità tal-Artijiet tispiċċa tkun kompliċi jew hi daqstant traskurata li tippermetti lil terzi persuni jokkupaw art daqstant sensittiva biex jissodisfaw lil min bla dubju għandu skopijiet qarrieqa.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa stess oġġezzjona għal din is-sejħa għall-offerti u għal dawn l-aħħar tletin sena dejjem saħaq biex din l-art tibqa’ fl-istat naturali tagħha u tkun belveder gawdut minn kull min japprezza l-ambjent ta’ madwarna.

Dwar dan it-tħassib ta’ dawn ir-residenti Melleħin, ħadt ukoll il-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li hu wkoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ambjent, li fisser li dan il-każ partikolari bir-raġun qajjem ħafna dubji u domandi dwar kemm hi loġika u ġenwina r-raġuni għalfejn l-Awtorità tal-Artijiet għamlet din is-sejħa.

Robert Cutajar fisser li “persuni midħla sew tat-trobbija tan-naħal li tkellimt magħhom ukoll rawha stramba ħafna kif din iz-zona partikolari se tingħata għat-trobbija tan-naħal. Ir-raġunijiet huma varji, fejn fost l-oħrajn il-fatt li z-zona hija waħda residenzjali, bi triq maġenba, żgur li ma jagħmilx il-post adattat għat-trobbija tan-naħal.

“Aktar minn hekk, l-irjiħat predominanti li jaħkmu dik iz-zona partikolari mhumiex rakkomandabbli għall-istess trobbija. Dan biex ma nsemmix il-prezz li hemm indikat fit-tender abbinat mal-kirja/qbiela taz-zona fejn min qed jipprova jieħu din l-art, b’kompliċità mal-Awtorita tal-Artijiet, irid li jkollu fil-post mijiet ta’ kaxxi li jkun fihom miljuni ta’ naħal biex ikun jista’ jkopri l-ispejjeż – u din tidher li hija xi ħaġa impossibbli.”

Robert Cutajar enfasizza li fl-aħħar snin, taħt Gvern Laburista, għaddejna minn esperjenzi fejn zoni li ħadd qatt ma ħolom li jistgħu jiġu żviluppati spiċċaw parti minn ġungla ta’ konkrit bil-barka tal-Gvern jew l-entitajiet tiegħu. U allura bir-raġun li dan il-pass mill-Awtorità konċernata jqajjem dubji u suspetti kbar dwar l-intenzjonijiet veri ta’ min ħolom li jibda jikkapparra minn issa dik iz-zona partikolari fil-Mellieħa.

“Fil-pajjiż għandna awtoritajiet tal-Gvern li għalihom l-ordni tal-ġurnata tibqa’ li jinsulentaw l-intelliġenza tal-poplu Malti. Jidher li hemm min fl-awtoritajiet tal-Gvern li ma tgħallimx mill-atroċitajiet u l-oxxenitajiet intenzjonati li għexna fl-aħħar snin u li fissru sfreġi ambjentali u serq ta’ artijiet tal-poplu sempliċiment biex jiġu aġevolati ftit nies tal-qalba. Dan huwa każ ieħor tipiku ta’ kif ngħidu bil-Malti… ħadma oħra fid-dawl tax-xemx.

“Jien bħala deputat tad-distrett, kif ukoll bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, ħassejt li kif għamilt f’każijiet oħra fl-aħħar snin nerġa’ nkun il-vuċi u t-tarka tar-residenti fil-Parlament. Dan għamiltu u se nkompli nagħmlu għax huwa obbligu u dover tiegħi li nagħmel dak li hu sewwa u fl-interess tal-ġid komuni,” temm Robert Cutajar.