“Paulina kienet bint, ħabiba, tfajla li thobb lil kulħadd u tapprezza l-annimali u n-natura. L-umanità ta’ Paulina misset ħafna qlub u se tnixxi ħafna dmugħ.”
Dan kien id-diskors ta’ Fr Henrik Blasczyk, id-Direttur Spiritwali tal-Komunità Pollakka f’Malta, waqt il-Quddiesa li saret fil-Knisja Ta’ Sarria fil-Furjana biex titfakkar il-memorja ta’ Paulina Dembska, iż-żagħżugħa Pollakka ta’ 29 sena li nqatlet kiesaħ u biered fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema fl-ewwel lejl tas-Sena l-Ġdida.

Diversi ħbieb tagħha attendew għal din iċ-ċerimonja u urew is-sogħba u d-dieqa tagħhom għal dan il-qtil li ħasad lil kulħadd.
Tant hu hekk li diversi Pollaki li kienu preżenti għal din iċ-ċerimonja qalu li għadhom s’issa ma jistgħux jemmnu kif dan l-omiċidju ġara f’Malta … il-pajjiż li tant iħossuhom milqugħin fih bi ħbiberija.
Waqt l-Omelija, Fr Henrik esprima x-xewqa li din id-dizgrazzja li wasslet biex Paulina titlef ħajjitha tagħti tama lil dawk il-persuni li jinsabu għaddejjin minn xi tip ta’ vjolenza. Filwaqt li ħeġġeġ lill-komunità Pollakka biex jiftakru fi kliem il-Mulej u lkoll jaħfru lil min wettaq id-delitt.

Paulina Dembska kienet deskritta minn Fr Henrik bħala żagħżugħa umli, ġentili, taf tħobb, dejjem bi tbissima fuq fommha u fuq kollox dejjem lesta biex tgħin.
Sadanittant, fl-aħħar żviluppi, Abner Aquilina ta’ 20 sena qed jingħata mediċina qawwija, hekk kif jinsab rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli. Barra minhekk, jaf fadal diversi ġimgħat oħra qabel ma jitqies li jista’ jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan l-omiċidju.
Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw li filwaqt li Aquilina ammetta mal-investigaturi li qatel lill-Dembska, hu stqarr kemm-il darba li fil-lejl tal-qtil kellmu x-xitan u ordnalu biex joqtol. Huwa insista li kien qed jagħmel xogħol Alla, għalkemm ix-xitan xorta waħda daħallu fi ħsibijietu.

