Abbużi serji anki fil-livell ta’ Segretarji Permanenti fil-Ministeri tal-Gvern u li finalment jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni taċ-Ċivil Mario Cutajar.
Fost l-oħrajn abbużi sfaċċati fl-għoti ta’ kuntratti ta’ self-employed lil dawk li l-Ministru jkun irid taparsi jimpjega mal-Gvern… u għalhekk jagħtihom kuntratt ta’ xogħol għal tliet xhur biex hekk ma jinqabiżx it-threshold ta’ €5,000 u wara dan l-istess kuntratt jerġa’ jiġġedded. Dan fih innifsu jammonta għal ksur sfaċċat tal-liġi.
Għaliex dak li qed jiġri hu li l-istess ħaddiema mogħtija dawn it-tip ta’ kuntratti qed jispiċċaw iħallsu l-bolla kollha huma filwaqt li sadattant qed jibagħtuhom jirreġistraw għall-VAT Number tagħhom!
Hekk dawn il-ħaddema jkunu qed jidhru li qed jaħdmu mas-settur privat iżda dan għall-fini ta’ statistika, imma fil-verità dawn huma ħaddiema mħallsa minn flus u mit-taxxi tal-poplu.
Sorsi infurmati fiċ-Ċivil fil-jiem li għaddew tkellmu fit-tul ma’ Il-Mument u żvelaw sensiela pjuttost twila ta’ ismijiet ta’ Segretarji Permanenti fit-tmexxija ta’ diversi Ministeri li iżda mhuma ta’ eżempju tajjeb xejn għall-kumplament tal-impjegati kemm fl-istess Ministeru fejn jinsabu u għall-kumplament tal-ħaddiema taċ-Ċivil.
Fost l-aktar preokkupanti hi s-sitwazzjoni f’Għawdex, fejn il-Ministru Clint Camilleri jidher li qed jaġixxi bħala bulldozer, ma jagħti każ ta’ xejn u jagħmel dak kollu li jirrendilu l-voti. Din hi attitudni li qed turta u ddejjaq ħafna lill-kandidati Laburisti l-oħrajn f’Għawdex li qed jaraw lil Clint Camilleri jisfrutta kull opportunità li jkollu quddiemu biex isarrafha f’voti għalih personalment.
Fost l-oħrajn permezz ta’ direct orders diretti lil terzi persuni, impjiegi bil-kuntratt u xogħlijiet oħrajn… wieħed jista’ jistaqsi lis-settur privat f’Għawdex jekk hux isib ħaddiema biex jaħdmu fih… ir-risposta tkun le le. Ir-risposta tkun li f’Għawdex il-ħaddiema kollha jridu jaħdmu mal-Gvern biex sad-disgħa jew l-għaxra jkunu jistgħu jdabbru rashom lejn id-dar.
Itellaq sew mal-Ministru Clint Camilleri fl-għoti tal-impjiegi bil-kuntratt, hemm il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd Anton Refalo li f’dan ir-rigward kienu qed jaħartu lill-Eks Ministru Justyne Caruana li min-naħa tagħha kienet iffukata kif se taġevola lill-boyfriend Daniel Bogdanovic u lil ħuh Goran Bogdanovic.
Attwalment urtat ħafna għal din is-sitwazzjoni surreali hemm il-kandidat Laburista Jo-Etienne Abela li minħabba li hu Kirurgu u jservi fl-Isptar ta’ Għawdex, għad m’għandux is-saħħa taż-żewġ ministri l-oħrajn, għalkemm f’Għawdex hu sigriet magħruf ukoll li Jo-Etienne Abela jagħmel dak kollu li jista’ biex jaqdi mill-koxxa lil dawk kollha li jmorru għandu għal skop ta’ kura!
Imma lura għal dak li qed jiġri fil-Ministeru ta’ Għawdex immexxi mill-Ministru Clint Camilleri, wieħed isib kif fl-aħħar snin l-abbużi ta’ poter kienu jiffurmaw sensiela ta’ stejjer goffi.
Fost l-oħrajn wieħed jista’ jsemmi kif tul il-leġiżlatura li għaddiet, Clint Camilleri kontinwament ħarab milli jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari diretta dwar kemm kienu ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed biex jagħtu servizz lill-Ministeru ta’ Għawdex.
Ma hux magħruf għaliex il-Ministru Clint Camilleri ħassu mbarazzat b’din il-Mistoqsija Parlamentari u ħass li kellu jwieġeb biss billi jgħid li “l-ħaddiema ingaġġati mal-Ministeru ta’ Għawdex ikunu ingaġġati skont ir-regoli tas-Servizz Pubbliku.”
Il-Mistoqsijiet Parlamentari diretti lil Clint Camilleri kienu jitolbuh jgħid kemm kienu ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed biex jagħtu servizz lill-Ministeru f’Għawdex, sena b’sena mill-2010 ’l hawn u x’inhi n-natura tal-ingaġġ tagħhom.
Iżda Clint Camilleri dejjem ħarab milli jwieġeb dawn il-Mistoqsijiet Parlamentari indirizzati lilu filwaqt li dejjem kopra lilu nnifsu billi dawn il-kuntratti abbużivi dwar self-employed taparsi impjegati mal-Gvern, u dwar id-direct orders assigura li jiffirmahom John Borg bħala s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex. Iżda l-istess Joe Borg jaf tajjeb li dawn huma kuntratti illegali u abbużivi.
Dwar dawn l-abbużi serji Il-Mument numru ta’ ġimgħat ilu bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lil John Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex. Sal-lum bqajna qatt ma revejna xi tip ta’ tweġiba.
//= $special ?>