Jekk mingħalina li kollox kalm u seren, għax ħadd m’hu jgħid xejn … żommu f’moħħkom li mhux il-każ. Hemm bżonn li tisimgħu minn min hu fis-settur qabel tfattruha.
Sostna dan fuq il-midja soċjali ix-chef u sid ta’ ristorant Sean Gravina fejn irrefera għall-fatt li mis-17 ta’ Jannar il-poplu se jkollu bżonn ċertifikat tal-vaċċin validu biex tidħol f’barijiet, ristoranti, każini, teatri, ċinema u aktar.
Huwa staqsa x’jagħmel hu jekk ikollu ħaddiema li ma jridux jieħdu t-tilqima, li jkunu single mothers jaqlgħuha u jikluha, iġielhom jieħdu l-vaċċin , inkella jkeċċihom? Filwaqt li staqsa x’għandhom differenti ħaddiema tar-ristoranti minn ħaddiema tas-supermarkets.
Sean Gravina taqsa wkoll jekk hux se jkollu jagħlaq in-negozju jekk għada pitgħada jiddeċiedi ma jieħux tilqima oħra li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jordnaw biex il-poplu jieħu fix-xhur li ġejjin.
Huwa insista li din mhux kwistjoni ta’ saħħa biss iżda kwistjoni ta’ kemm nies fis-settur jiġu stmati għax hemm fin-nofs l-ħobża tal-ħaddiem. U saqsa x’se jiġri jekk barra l-istabbilimenti tal-ikel jispiccaw b’xenarju ta’ nies jistennew f’daqqa biex jidhlu….sakemm jarawlhom ic-certifikat.
Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, spjega mal-ġurnal Illum li l-maġġoranza tal-poplu ħa l-vaċċin jew beda jieħu l-booster ….iżda xorta waħda għad hawn għexieren ta’ eluf li jinsabu maqfulin fi kwarantina.
Huwa insista li min hu kompletament imlaqqam m’għandux jiġi ordnat sabiex jinqafel f’daru u li hemm bżonn li jibdew iħallu r-rota ekonomika ddur. Zahra saħaq li fil-jiem li ġejjin l-MHRA se tkun qed tiltaqa’ mal-awtoritajiet tas-saħħa hekk kif diversi sidien qed jispiċċaw taħt pressjoni enormi minhabba li qed jispiċċaw bi tnaqqis sostanzjali ta’ ħaddiema kawża tal-kwarantina.
Huwa saħaq li l-effett ekonomiku tal-pandemija fuq in-negożji għadu mhux magħruf għal kollox, u tenna li l-ekonomija reġgħet spiċċat koppi.
Tony Zahra sostna li hemm bżonn li r-regoli l-ġodda ta’ kwarantina jkunu ċari għax ma jistax ikun li persuna ma titfaċċax għax-xogħol mingħajr ċertifikat filwaqt li insista dwar il-bżonn ta’ aktar kontrolli.