Lokali

Jipprotestaw kontra l-Green Pass u l-vaċċin

“No green pass” u “No vaccine”.

Din kienet l-għajta ta’ diversi dimostranti li l-Ħadd waranofsinhar inġabru quddiem il-Parlament biex jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet – li skont id-dimostranti – bihom, il-Gvern qed ikompli jimponi l-vaċċin fuqhom u fuq uliedhom.

Il-protesta kienet organizzata wara li l-Gvern ħabbar li miżuri ġodda se jkunu introdotti mis-17 ta’ Jannar. Minn dakinhar, persuni li mhux imlaqqmin għal kontra l-pandemija mhux se jkunu jistgħu jidħlu f’bars, ristoranti, gyms, pools, ċinema u avvenimenti sportivi, ladarba ma jkunux ippreżentaw iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin.

Id-dimostranti saħqu ukoll li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jattakka d-drittijiet ta’ kull individwu fil-poplu Malti meta jibgħat lill-Pulizija jagħtu ċ-ċitazzjonijiet lil dawk li ma jilbsux maskra.

Madankollu, id-dimostranti komplew jgħidu li ma organizzawx il-protesta għalihom biss, iżda għal kull persuna – inkluż il-Pulizija – li ma jistgħux jipprotestaw.

Sadanittant, fil-post, diversi membri tal-Korp preżenti ġibdu l-attenzjoni tad-dimostranti biex jilbsu l-maskra ladarba kienu f’post pubbliku u ħarrku lil min ma obdiex id-direttivi tagħhom.

Tags