Aktar mal-Gvern qiegħed iżomm skiet taqtgħu b’sikkina dwar il-manuvra skandaluża tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg biex jintlaħaq ftehim sigriet bl-iskop li Darren Debono jammetti l-involviment tiegħu fil-hold-up ta’ tnax-il sena ilu fuq il-fergħa tal-HSBC f’Ħal Qormi u hekk jingħata għaxar snin priġunerija, aktar qed tiżdied ir-rabja fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija li b’dak li sar minn wara dahar kulħadd, il-Gvern qed jipproteġi lill-kriminali milli lilhom.
Diġà nhar il-Ġimgħa li għadda l-Union tal-Pulizija fi stqarrija ikkundannat din il-manuvra moqżieża u saħansitra stiednet lill-istess Avukat Ġenerali biex f’sitwazzjoni bħal dik ta’ tnax-il sena ilu tkun preżenti biex idduq ftit mill-esperjenzi diffiċli li jgħaddu minnhom il-Pulizija waqt il-qadi tad-doveri tagħhom.
Pulizija li lbieraħ is-Sibt tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li huma ma jistgħux jifhmu kif l-Avukat Ġenerali flok ma ġibdet favur l-interessi tal-Pulizija, aċċettat il-pressjoni tal-Gvern li jwaqqa’ s-sentenza fil-konfront ta’ Daren Debono; liema pressjoni għandha l-intenzjoni u l-mottiv li l-istess Daren Debono issa jkun protagonista biex Vincent Muscat ‘Il-Koħħu’ jkun skreditat. Imma mhux biss, l-iskop ewlieni wara din il-manuvra jidher li hu li jibqgħu ma jissemmewx politiċi tal-bieraħ u politiċi tal-lum li kienu direttament involuti fil-hold-up fuq il-fergħa tal-HSBC f’Ħal Qormi tnax-il sena ilu.
Qalulna wkoll il-Pulizija li tkellmu magħna li din l-manuvra – deskritta tant tajjeb minn In-Nazzjon nhar il-Ħamis li għadda bħala “colpo di scena” – turi bl-aktar mod ċar kemm l-istituzzjonijjiet fil-pajjiż mhux biss ma jaħdmux, iżda huma litteralment pupazzi f’idejn Kastilja u finalment il-Prim Ministru Robert Abela jrid iwieġeb għal din is-sitwazzjoni daqstant perikoluża fil-pajjiż.
Għaliex is-sitwazzjoni hi aktar minn perikoluża f’pajjiżna fejn issa għandek lill-Gvern Laburista li litteralment qiegħed jimmina l-interessi u l-ħidma tal-Pulizija li spiss ikunu fl-aħbarijiet minħabba li jissograw ħajjithom waqt il-qadi tad-doveri tagħhom.
Jewwilla mhux kulħadd jiftakar il-qtil tal-Kuntistabbli Roger Debattista nhar it-12 ta’ Novembru tal-2001 waqt li kien extra duty mal-fergħa tal-BOV f’Ħal Qormi u tliet ħallelin armati sparaw tiri ta’ arma tan-nar u ħallewh minxur f’għadira demm?
Jewwilla mhux kulħadd jiftakar il-każ tas-Surġent Simon Schembri li f’Mejju tal-2018, waqt il-qadi tad-doveri tiegħu bħala membru tat-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija, kien spiċċa involut f’inċident serju tat-traffiku u mkaxkar minn karozza għal diversi metri li wara ħarbet mill-post tal-inċident u ħalliet lil Simon Schembri jissielet għal ħajtu u llum għandu diżabbiltà ta’ sittin fil-mija wara li tilef idu l-leminija?
B’din il-manuvra tal-waħx, il-Gvern Laburista qiegħed iwassal messaġġ ċar u qawwi li għalih il-protezzjoni tal-kriminali tiġi qabel kull interess ieħor u għalhekk f’pajjiż suppost issaltan id-demokrazija hemm bżonn li b’mod immedjat min ħa tali deċiżjoni issa jagħti spjegazzjoni kif wasal għaliha.
Bir-raġun kollu li l-Pulizija li tkellmu ma’ Il-Mument saħqu li dak li sar mill-Avukat Ġenerali f’dan il-każ kien back-stabbing lix-xogħol tal-Pulizija li f’dan il-każ partikulari dabbru għexieren ta’ tiri ta’ armi tan-nar. F’dak il-każ partikulari numru ta’ pulizija ssugraw ħajjithom tant li wieħed minnhom – dak iż-żmien il-Kuntistabbi Kenneth Ciangura – kien saħansitra ferut gravament u għadu jbati l-konsegwenzi sal-lum.
Bla dubju ta’ xejn li dak li seħħ din il-ġimgħa juri bl-aktar mod ċar li l-poplu Malti u Għawdxi għandu għalxiex tassew jinkwieta għaliex għandna każ mill-aktar serju fejn il-Gvern wassal lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex tasal għal dan il-ftehim skandaluż fejn kriminal li kellu l-possibbiltà l-kbira li jeħel għomor il-ħabs jew priġunerija ta’ erbgħin sena, twaqqgħetlu l-att ta’ akkuża biex sempliċiment jeħel għaxar snin priġunerija biss!
Il-Pulizija li tkellmu ma’ Il-Mument saħqu li l-Avukat Ġenerali twieġeb kif setgħet twaqqa’ din l-akkuża ta’ attentat ta’ omiċidju u għaliex dan kollu lejliet il-bidu tal-ġuri ta’ Vince Muscat?
Naturalment aktar mistoqsijiet jemerġu waħdihom, fosthom jekk tali manuvri sarux bil-ħsieb li jitgħattew u jinħbew xi ismijiet ta’ nies fil-politika, kemm fil-politika lbieraħ u anki fil-politika llum, u li dakinhar ta’ dan il-hold-up kienu involuti fih? Forsi b’din il-mossa hemm min għandu f’moħħu li issa jifa’ kollox fuq Vince Muscat?
L-istess Pulizija enfasizzaw li huma jinsabu konvinti li fil-manuvra li saret mill-Avukat Ġenerali hemm xi ħaġa tintenn wisq. “Nemmnu li hemm xi tip ta’ ftehim fin-nofs. Issa jekk hux għal xi vantaġġ politiku jew biex tkun protetta xi ras kbira oħra… Li hu fiċ-ċert hu li dan il-ftehim tal-Avukat Ġenerali ma jagħmilx sens.”
Il-Pulizija li tkellmu ma’ Il-Mument temmew jistaqsu wkoll fejn hu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’dan kollu. Kif jista’ jkun li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ jibqa’ b’fommu sieket? Għaliex ebda reazzjoni? Kien involut f’xi negozjati dwar dan kollu? Daqshekk jipproteġi l-familja tal-Korp? Għaliex skiet totali? Jewwilla hu wkoll kompliċi biex ċerti persuni, fil-politika u m’humiex, ikunu protetti?
//= $special ?>