Raġel li jinsab bla xogħol minn Santa Venera ġie kundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta li wettaq attentat ‘hold up’ bi vjolenza minn ħanut meta kien armat b’sikkina fil-Marsa, liema reat sar fl-ewwel tas-sena l-ġdida. Ġimgħa ilu Dorian Grech ta’ 24 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, bl-Ispetturi Lydon Zammit u Andy Rotin jakkużawh b’attentat ta’ serq, aggravat mill-vjolenza u l-ħin, li żamm lill-vittmi tiegħu kontra r-rieda tagħhom bl-intenzjoni li jġiegħhom jagħtuh flus kontra r-rieda tagħhom u li ġarr strument li jaqta’ u bil-ponta fil-pubbliku mingħajr liċenzja.
Huwa ammetta li taha bidu għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-delitt, liema delitt ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa indipendenti u aċċidentali mil-volontà tiegħu. Huwa wieġeb ħati u l-Qorti qalet lill-akkużat li kienet fid-dmir li tinfurmah li l-piena għal dawn ir-reati kienet “pjuttost oneruża,” u ngħata żmien biex jerġa’ jikkunsidra t-talba tiegħu u jiddiskuti l-kwistjoni mal-avukat tiegħu.
Huwa baqa’ jippersisti bit-tweġiba ta’ ħati. L-Ispettur Zammit informa lill-Qorti li l-akkużat kellu problema akuta ta’ vizzju tad-droga u kien waqaf xejn inqas minn seba’ programmi volontarji ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Fis-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni dwar il-piena, il-qorti ntalbet timponi sentenza ta’ kustodja u ordni ta’ trattament biex tiżgura li Grech jirċievi t-trattament. Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-ammissjoni ferm bikrija, tal-fatt li wera kooperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi sa mill-bidu tal-arrest tiegħu, tal-fatt li qed jitlob l-għajnuna w saħansitra qed jirrikonoxxi li hemm bżonn l-inkarċerazzjoni biex matulha jagħmel sforzi akbar biex jikkumbatti l vizzju tad-droga li ma jistax jinħeles minnha minkejja bosta tentattivi.
Ittieħdet konsiderazzjoni li l-imputat għalkemm ma għandux xi fedina penali li toħloq tħassib, mhux ‘a first time offender’, tan-natura tar-reati li qed tinstab ħtija dwarhom kif ukoll taċ-ċirkostanzi tal-każ fejn il-vittmi li ġew ssekwestrati kienu tnejn.
Il-Qorti qalet li l-piena l-aktar oneruża hi dik ravviżata bl-artikolu 87 peress li ġġorr piena ta’ bejn sena u erba’ snin priġunerija filwaqt li dik ta’ tentattiv tas-serq bi vjolenza hi punibbli b’piena ta’ bejn disa’ xhur u tliet snin. Għal dawn il-motivi l-Qorti kkundannatu 18- il-xahar priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv kif ukoll għall-multa ta’ €116.47c.
//= $special ?>