Lokali Parlament

Andy Ellul jingħata l-ġurament ta’ deputat

Petizzjoni lill-Ispeaker dwar sejħa għall-offerti suspettuża dwar żvilupp ta’ struttura għaż-żamma tan-naħal f’żona protetta fil-Mellieħa

Mar-ritorn għas-Seduti Parlamentari, wara l-vaganzi għall-festi tal-Milied, Andy Ellul ingħata l-ġurament bħala Deputat Laburista Parlamentari ġdid hekk kif l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti rriżenja minn Deputat Parlamentari wara li beda jkun investigat mill-Pulizija dwar ħruġ ta’ ċertifikati mediċi foloz.

Għalkemm l-eks Deputat Laburista Silvio Grixti kien elett mit-Tielet Distrett Elettorali, il-Prim Ministru Robert Abela ma ħalla lill-ebda kandidati fuq it-Tielet Distrett li jissottometti l-interess tiegħu għall-Elezzjoni Każwali biex hekk Andy Ellul kien co-copted mill-Prim Ministru kif diġà sar fir-rigward ta’ erba’ Deputati Laburisti oħrajn.

Barra minhekk fil-bidu tas-Seduta Parlamentari tal-bieraħ id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ippreżenta lill-Ispeaker petizzjoni minn residenti ta’ Triq l-Għerien fil-Mellieħa dwar żvilupp suspettuż u li jqanqal it-tħassib wara li l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet sejħa għall-offerti dwar żvilupp ta’ żamma ta’ naħal f’din iż-żona.

Hu qal li din is-sejħa għall-offerti tqanqal ħafna suspetti u għalhekk ir-residenti taż-żona qed jiġbru din il-petizzjoni biex dan l-iżvilupp ma jsirx.