Sport Waterpolo

Ben Plumpton se jkompli l-istaġun ma’ Lazio Nuoto fl-ogħla diviżjoni Taljana

(Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Stewart Said

Il-Plejer tas-Sena tal-ASA għal dawn l-aħħar sentejn Ben Plumpton ħalla pajjiżna biex ikompli l-istaġun ma’ Lazio Nuoto fl-ogħla diviżjoni Taljana. Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Plumpton barra minn xtutna.

Fl-2016 hu kien għamel staġun fis-Serbja ma’ Vojvodina filwaqt li s-sena ta’ wara ngħaqad fis-Serie A1 fl-Italja għal ftit xhur ma’ CN Posillipo. Din l esperjenza għandha tkompli ttejjeb il-kwalitajiet ta’ Plumpton.

Ma’ Lazio Nuoto, Plumpton se jingħaqad ma’ Jamie Gambin li f’pajjiżna jilgħab ma’ Sliema. Lazio bħalissa jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. Il-Kampjonat Taljan A1 fl-Italja bħalissa jinsab wieqaf wara deċiżjoni li ttieħdet minħabba ż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19. Il-kampjonat mistenni jkompli fit-12 ta’ Frar.

F’dawn l-aħħar xhur, Plumpton sar plejer aktar versatili u qed jgħin aktar fid-difiża. F’total ta’ 21 logħba milgħuba bejn l-Enemed Cup, il-Kampjonat Premier u n-knock-out, Plumpton skorja total ta’ 41 gowl. Erba’ gowls minnhom, waslu fil-finali tan-knock-out mirbuħa kontra Neptunes 11-10.

Plumpton kien qed jilgħab ma’ San Ġiljan Mercury Towers f’din l-edizzjoni tal-Enemed Cup u lagħab is-Sibt li għadda fid-draw ta’ 10-10 kontra Sliema Frank Salt, bi Plumpton jiskorja doppjetta. Hu mistenni jirritorna f’pajjiżna ma’ San Ġiljan għax-xhur tas-sajf.