Internazzjonali

Covid-19: L-Italja ddaħħal il-miżuri aktar iebsin, b’numru ta’ ċittadini jinsabu ‘effettivament taħt lockdown’

epa09608773 Passengers undergo anti-Covid-19 tests at the Leonardo da Vinci airport in Fiumicino, near Rome, Italy, 28 November 2021. On 26 November Italy imposed an entry ban on passengers arriving from South Africa, Lesotho, Botswana, Malawi, Zimbabwe, Mozambique, Namibia and Eswatini after a new potentially more dangerous variant of coronavirus, the B.1.1.529 Coronavirus variant Omicron was discovered in South Africa. EPA-EFE/TELENEWS

Il-miżuri riġidi ‘il-ġodda’ għal min mhux ivvaċċinat kontra l-Covid daħlu fis-seħħ fl-Italja f’dawn l-aħħar sigħat — u minkejja l-protesti tal-entitajiet li sostnew li l-pass jista’ imur kontra l-libertajiet bażiċi tal-individwu.

Il-miżuri implimentati huma ‘fażi oħra’ tal-ġlieda kontra l-coronavirus u l-varjanti l-ġodda. Intant, l-istess miżuri effettivament ifissru li ċ-ċittadini li ma ħadux jew irrifjutaw it-tilqim kontra l-Covid, minn issa jinsabu fi speċi ta’ lockdown.

Mill-bieraħ daħlet fis-seħħ in-neċessità li l-hekk-imsejjaħ ‘Super Green Pass’ jintwera min-nies kollha li jridu jidħlu fil-bars, ir-ristoranti u l-lukandi – kif ukoll miċ-ċittadini li jeħtieġu jivvjaġġaw fuq il-karozzi tal-linja, il-ferroviji, il-vapuri u l-ajruplani.

Dan il-‘Pass’ partikulari juri li persuna fl-Italja tkun ħadet il-vaċċin meħtieġ għal kontra l-Covid inkella fieqet mill-marda tul l-aħħar sitt xhur.

Minbarra dan, il-Gvern Taljan iddeċieda biex is-Super Green Pass isir obbligatorju għaċ-ċittadini kollha ta’ ‘il fuq minn 50 sena li huma kunsidrati partikularment vulnerabbli għall-virus.

Kif inhuma l-affaraijiet bħalissa, għadu possibbi biex in-nies ta’ taħt il-50 sena li ma ħadux il-vaċċin jirrappurtaw għax-xogħol – u fejn huma jridu juru Green Pass bażiku. Dan id-dokument jista’ jinkiseb permezz ta’ test għall-Covid li jimmarka fin-negattiv – iżda jibqa’ validu biss għal ftit jiem.

Sadanittant, l-iskejjel fl-Italja fetħu mill-ġdid wara l-btajjel tal-Milied u fost id-diversi diffikultajiet minħabba l-ispinta fil-każi tal-Covid. Dan ukoll fost il-biża’ li l-istudenti jerġgħu jispiċċaw kostretti għal sistema ta’ ‘distance learning’ – bl-awtoritajiet  f’diversi reġjuni jsejħu biex is-sistema ta’ ‘tagħlim mingħajr ħtieġa ta’ kuntatti’ tintuża bħala esperiment għal ftit ġimgħat.

Hu minnu li ħafna skejjel qed jiffaċċjaw problemi minn aspett ta’ organizzazzjoni, bil-Ministru Taljan għall-Edukazzjoni. Patrizio Bianchi, jammetti li ħafna skejjel se jiffaċċjaw problema ta’ nuqqas ta’ staff minħabba l-każi tal-Covid.

Intant, numru ta’ bliet Taljani mhumiex qed jiftħu għall-ħajja normali – l-istess bħar-reġjun ta’ Campania, li jinsab lejn in-nofsinar tal-pajjiż. Dan meta l-Gvern f’Ruma qed jaħseb biex jindirizza l-problemi f’dawk il-partijiet tal-Italja.  

Fi żviluppi oħra, riċerka ġdida qed tindika li d-difiża naturali tal-ġisem għal kontra riħ komuni kapaċi tipprovdi livell ta’ protezzjoni anki għall-Covid-19. L-istudju pubblikat f’Nature Communications kien jinvolvi 52 individwu li kienu qed jgħixu ma’ persuna marida bil-Covid-19.

Intant, hemm sinjali li n-nies li żviluppaw iċ-ċelloli tal-immunità speċifiċi għal kontra riħ komuni dehru anqas disposti li jimirdu bil-Covid.Madankollu, l-esperti għamluha ċara li ħadd ma għandu jiddependi biss fuq dan il-kunċett ta’ immunità, meta l-vaċċini jibqgħu l-aqwa arma kontra l-Covid. Fl-istess ħin, ir-riżultati tal-istudju kapaċi jixħtu dawl ġdid fuq kif l-immunità tal-ġisem kapaċi tirreżisti għall-agħar effetti tal-Covid u l-varjanti tiegħu.