Internazzjonali

Golden Globes: Trijonf għal West Side Story u The Power of the Dog

Il-films West Side Story tad-direttur Steven Spielberg u The Power of the Dog kienu r-rebbieħa ewlenin fid-79 edizzjoni tal-Golden Globe Awards. Il-premjijiet kienu kkonfermati waqt serata li din is-sena kienet nieqsa sew miċ-ċerimonja tradizzjonali minħabba r-regoli tal-pandemija.

Fil-fatt, is-serata tal-Golden Globes, f’Los Angeles ( fl-Istati Uniti), lanqas biss ixxandret, bin-nuqqas ta’ pubbliċità isegwi allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u nuqqas ta’ diversità fil-panel li jivvota għall-aħjar films u protagonisti fl-industrija taċ-ċinema. F’din is-sitwazzjoni spikkaw l-aktar l-aġġornamenti fuq il-websajt tal-Golden Globes – bis-serata ssir ukoll mingħajr il-preżenza tas-soltu persuni ċelebri.

Intant, il-versjoni ġdida ta’ West Side Story (remake tal-film klassiku tal-1961) rebħet diversi premjijiet ( Globes) fosthom għall-Aħjar Film b’tema Mużikali – b’Rachel Zegler u Ariana Debose jirbħu l-Globes fil-kategoriji rispettivi tal-Aqwa Attriċi u l-Aqwa Attriċi f’Parti Sekondarja.

Il-film The Power Of The Dog rebaħ il-Globe għall-Aqwa Film Drammatiku, b’Jane Campion tingħata l-unur għall-Aqwa Direttur u b’Kodi Smit-McPhee jirbaħ għall-Aħjar Attur fi Rwol Sekondarju ta’ produzzjoni drammatika.

Is-serata kienet anki suċċess għall-Amerikan, Will Smith, li rebaħ għall-Aħjar Attur f’Parti Drammatika għall-film King Richard. Intant, Nicole Kidman rebħet il-Globe bħala l-Aqwa Attriċi f’parti drammatika ewlenija għal Being the Ricardos ( u li fih hi tinterpreta l-parti tal-attriċi leġġendaarja Lucille Ball).

L-attriċi Kate Winslet kienet fost il- Britanniċi rikonoxxuti f’din iċ-ċerimonja u fejn hi rebħet Globe għall-parti tagħha fis-sensiela drammatika Mare of Easttown li jitratta temi tal-kriminalità. Fl-istess ħin, Succession kien ir-rebbieħ kbir fil-kategorija tal-produzzjonijiet għat-televiżjoni bi tliet Golden Globes – inkluż il-premju għall-Aħjar Sensiela Drammatika.