Lokali

Ikomplu l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-Ministeri

Telefonata wara l-oħra. Ministeru wara l-ieħor. Allegazzjoni ta’ korruzzjoni, waħda kważi tnessik l-oħra.

Persuni li tkellmu ma’ Net News fl-aħħar jiem spjegawlna kif numru ta’ individwi maċ-ċivil qed jinnotaw manuvri mhux mistennija… u jisimgħu allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’numru ta’ Ministeri.

Huma irrimarkaw illi mhux persuni li huma fil-politika biss huma responsabbli biex titwaqqaf din is-sitwazzjoni xejn sabiħa, iżda hu d-dmir tan-nies imlaħħqa fiċ-ċivil li jwaqqfu lill-politiċi milli jabbużaw.

Dan wara rapporti fil-midja dwar abbużi serji anke fil-livell ta’ Segretarji Permanenti fil-Ministeri tal-Gvern li fl-aħħar mill-aħħar jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru, Robert Abela.

Fost l-oħrajn issemmew allegazzjonijiet ta’ abbużi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ self-employed lil dawk li l-Ministri jkunu iridu taparsi jimpjegaw mal-Gvern… u għalhekk jagħtu kuntratt ta’ xogħol għal tliet xhur biex hekk ma jinqabiżx il-limitu ta’ €5,000. U wara dan il-perijodu, l-istess kuntratt jerġa’ jiġġedded. Dan, qalulna l-istess sorsi, fih innifsu jammonta għal ksur sfaċċat tal-liġi.

Fost l-aktar preokkupanti hi s-sitwazzjoni f’Għawdex, fejn il-Ministru Clint Camilleri jidher li qed jaġixxi bħala bulldozer; ma jagħti każ ta’ xejn u jagħmel dak kollu li jirrendilu l-voti – kif propju gie zvelat il-Ħadd f’artiklu ppubblikat mill-gazzetta “il-mument”

Ħafna qed jistaqsu kif ħaddiema fi ħdan il-Ministeri qed jibqgħu jaraw infieq żejjed ta’ flus il-poplu u jonqsu minn dmirijiethom li jwaqqfu lill-Ministri milli jibqgħu jieħdu dawn id-deċiżjonijiet – deċiżjonijiet li tant qed jagħmlu ħsara.

Fost dawn, hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan kull Ministeru li għandu d-dmir li javviċina lill-Ministru dwar dan l-infieq ta’ flus… wara jiġi  is-Segretarju Permanenti tal-Finanzi u anke is-Segretarju Permanenti Ewlieni; liema persuni kollha jidhru li qed jitfgħu kollox taħt it-tapit, u jonqsu milli jagħmlu xogħolhom.