Lokali Parlament

Il-Gvern ma kkonsulta lil ħadd dwar dan l-Avviż Legali li ma hu xejn għajr aġevolment għal min jabbuża

Mario de Marco, PN

Meta l-Ministru tal-Finanzi ħareġ l-Avviż Legali 419 tal-2021 ma kien qed jagħmel xejn għajr li jikkastiga lil min iħallas it-taxxi dovuti minnu u jaġevola lil dawk li jabbużaw u ma jħallsux it-taxxi dovuti minnu.

Mario de Marco, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, qal dan meta lbieraħ filgħaxija ppreżenta l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tħassar, tirrevoka u tannulla r-Regoli tal-2021 dwar Eżenzjoni mit-Taxxa fuq Trasferimenti ta’ Proprjetà (Tpaċija ta’ Arretrati tat-Taxxa) Avviż legali 419 tal-2021.

Hu qal li dan l-Avviż Legali ppreżentat mill-Gvern wara li ngħalqet id-diskussjoni tal-Baġit, jikkrea inġustizzji bejn min iħallas it-taxxi dovuti minnu u bejn min ma jħallasx it-taxxi dovuti minnu.

Mario de Marco qal li bis-saħħa ta’ dan l-Avviż Legali min se jbiegħ proprjetà ta’ miljun ewro u jħallas taxxa ta’ għaxra fil-mija allura se jkollu eżenzjoni, jew amnistija ta’ €100,000. Dan ifisser li t-taxxa dovuta se tkun maħfura!

Din il-miżura, skont il-Gvern, kien ħabbarha f’Marzu tal-2021. Iżda fil-verità ħadd ma jiftakar lil xi Ministru li ħabbar tali miżuri f’Marzu tal-2021.

Qal ukoll il-Ministru li kien ikkonsulta mal-Imsieħba Soċjali, iżda min-naħa tagħhom l-Imsieħba Soċjali kollha ċaħdu li xi darba l-Ministru tal-Finanzi kien iddiskuta magħhom dan l-Avviż Legali partikulari.

Il-Ministru tal-Finanzi qal ukoll f’intervista li din ma hix amnestija, iżda biss inċentiv biex jinġabru aktar minn ħames biljun ewro. Dan ma hux minnu.

Ir-reazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi turi kemm għandna gvern li hu maqtugħ mir-realtà u mill-kritika li tiġi mill-Imsieħba Soċjali, mill-media u mill-Oppożizzjoni.

L-Imsieħba Soċjali, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, qalu li din l-iskema taġevola biss lil dawk li ma jkunux ħallsu t-taxxa dovuta minnhom.

Qalet ukoll li dan l-Avviż Legali qed joħloq xenarju mhux ġust ma’ min ikun ħallas it-taxxi dovuti minnu.

Imsieħba Soċjali oħrajn qed jinsistu li dan l-Avviż Legali ma hu xejn għajr amnistija. Dan hu daqqa ta’ ħarta għall-professjonisti u l-imprendituri kollha li jaħdmu b’mod korrett u etiku u ma jonqsu qatt milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom.

Mario de Marco kompla li kien hemm min iddeskriva dan l-Avviż Legali bħala inġust u immorali u żied li kuntrarament għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, dan l-Avviż Legali ddaħħal bla diskussjoni mal-Imsieħba Soċjali, bla ma kien pubblikat impact assessment, bla ma kienu pubblikati l-linji gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali.

Ma hu minnu xejn li dan l-Avviż Legali għandu x’jaqsam mal-Covid-19, iżda dan l-Avviż Legali hu intiż li jaġevola lil dawk li ma jimxux b’mod korrett u etiku mal-ħlas tat-taxxa dovuta minnhom.

Dan hu saħansitra Avviż Legali li jiddiskrimina bejn min għandu proprjetà u min m’għandux; bejn min għandu tali proprjetà u min għandu tali proprjetà oħra. Dan hu Avviż Legali jippremja lil min jinjora l-Liġi u ma jħallasx dak dovut minnu, filwaqt li jikkastiga lil dawk li jimxu b’mod korrett ma’ dak li tgħid il-Liġi.