Il-Kamra tal-SMEs qed tipproponi li dawk li jkollhom kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv għall-Covid ma joqgħodux fi kwarantina filwaqt li dawk li jittestjaw pożittivi jagħmlu biss ħamest ijiem f’iżolazzjoni.
Dawn il-proposti lill-Gvern Malti qed isiru fuq ir-rekomandazzjonijiet li ħarġu mill-Oganizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentri tal-Istati Uniti għall-Kontrol tal-Mard.
Is-CEO tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Mamo qalet li r-regoli ta’ kwarantina qed iħarbtu lin-negozji kollha u qed iżidu l-ispejjeż… spejjeż li n-negozji ma jifilħux għalihom.
Huwa għalhekk li qed jipproponu li min ikun pożittiv għall-Covid għandu jibqa’ d-dar sakemm jitilqulhom is-sintomi kollha jew f’każ ta’ deni, jibqgħu ġewwa 24 siegħa iktar wara li jkun telaq għal kollox.
Abigail Mamo qalet li qabel iż-żieda tal-każijiet minħabba l-Omicron, in-negozji diġa’ kienu għarkubtejhom. Issa li numru kbir ta’ ħaddiema jinsabu fi kwarantina obbligatorja, fil-maġġorparti tan-negozji ma jistgħux jibqgħu mexjin bħal qabel.
X’jgħidu l-miżuri bħalissa f’pajjiżna?
Mit-3 ta’ Jannar kienet iddaħlet il-miżura li persuni pożittivi għall-COVID-19 li huma mlaqqma bil-booster jagħmlu għaxart ijiem kwarantina minflok 14-il ġurnata sakemm fl-aħħar tliet ijiem ta’ kwarantina dawn l-individwi ma jkollhomx sintomi.
Dan filwaqt li persuni li jkunu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jtemmu l-kwarantina obbligatorja sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva, wara li jagħmlu rapid test li jirriżulta fin-negattiv.
U persuni li jgħixu fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina jekk ikunu vvaċċinati bil-booster.