Lokali Parlament Saħħa

Il-Parlament isellem il-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Albert Fenech u l-konsulent Victor Calvagna

“Kien persuna ġenwina, u t-telfa tiegħu qed tinħass mill-poplu kollu”.

Dan intqal mill-Kap tal-PN Bernard Grech meta illum fil-Parlament ingħatat tislima lill-Professur Albert Fenech, li serva wkoll bħala membru Nazzjonalista fil-Kamra tad-Deputati. Bil-Professur Fenech deskritt bħala pijunier fil-kardjoloġija u dak kollu relatat mas-saħħa tal-qalb.

Bejn l-2013 u l-2016 Albert Fenech serva bħala Membru Parlamentari. Bernard Grech qal li meta l-Prof. Fenech irriżenja, dan għamlu biex ikompli jagħti servizz lill-qasam tas-saħħa f’Għawdex – missjoni li ma setax iwettaq minħabba t-taħwid li sab fl-isptar ta’ Steward Healthcare.

“Hi ħasra li hu ħassu imwarrab u imxekkel fl-aħħar snin”, qal Bernard Grech meta kwota lil Albert Fenech.

F’isem l-Oppożizzjoni, Bernard Grech sellem lill-Prof Fenech u spjega kif dan kien xokk doppju fl-istess jum li fih miet il-konsulent Victor Calvagna. “Pajjiżna tilef żewġ persuni li dejjem ħadmu bi professjonalità u umanità. Tlifna żewġt imħuħ u żewġt iqlub ta’ veru.”

Bernard Grech sellem lill-familja ta’ Albert Fenech għat-telfa li sofrew, u li ħasdet lis-soċjetà tagħna kollha. Sellem ukoll lill-familja ta’ Victor Calvagna, u lill-għaqda Puttinu Cares.

Intant, fl-istess seduta Parlamentari tħabbar li hemm il-ħsieb li biex isem Albert Fenech jibqa’ ħaj, u dan se jibqa’ jissemma’ b’mod prominenti fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.