Coronavirus Lokali

Il-PN jappoġġja s-sejħa tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji biex ikompli jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantina

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja s-sejħa tal-Kamra għan-Negozji żgħar u Medji biex jitkompla jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantina għal ħamest ijiem, kemm minħabba li l-varjant tal-Omicron huwa aktar dgħajjef kif ukoll minħabba l-għexieren ta’ eluf ta’ nies li jinsabu fi kwarantina.

Is-sitwazzjoni attwali għandha impatt tremend fuq l-operat tal-pajjiż u l-ekonomija, minkejja li l-gvern jidher li qed jimminimizza l-kwistjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll biex ikun hemm sistema xierqa għal dawk li ġenwinament ma jistgħux jieħdu l-vaċċin. Dan hekk kif qed jiffaċċjaw ħafna inċertezza kawża tar-regolamenti li jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, anke minħabba li huwa diffiċli ħafna biex taqbad fuq il-helpline.

Is-sistema proposta għandha tkun riveduta u ssir aktar ġusta biex ma tgħabbix piż bla bżonn fuq iċ-ċittadini Maltin, speċjalment għal dawk li jridu jsiefru, kif qal ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell tiegħu għall-estensjoni tal-wage supplement f’setturi speċifiċi li qed ibatu l-iktar l-impatt tal-Pandemija, b’mod partikolari s-setturi tat-turiżmu u l-ospitalitá. Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela li din il-proposta qed tiġi kkunsidrata u jħeġġu biex ikun aktar speċifiku. Kif kien qal il-PN, id-deċiżjoni li l-wage supplement jiġi estiż sal-aħħar ta’ Jannar ħolqot aktar inċertezza għan-negozji.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni wkoll l-appell tiegħu lill-gvern biex jillegalizza l-kits ta’ self-testing.