Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tfaħħar lill-PN għall-“proposti konkreti” li ressaq

Permezz tat-12-il abbozz li ressaq il-Partit Nazzjonalista s-Sibt li għadda, l-Oppożizzjoni ħadet l-inizjattiva u ressqet proposti leġislattivi konkreti li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikari fl-inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hekk qalet fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista. Saħqet li l-Parlament huwa l-fergħa leġislattiva tal-pajjiż u għalhekk huwa xogħol il-membri parlamentari li jilleġislaw u jagħmlu proposti leġislattivi.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tispera li l-Oppożizzjoni u l-Gvern jaħdmu flimkien sabiex jitwettaq dan it-tibdil neċessarju mingħajt iktar dewmien.

Fil-Manifest tagħha ta’ Governanza Tajba, il-Kamra tal-Kummerċ għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istampa ħielsa. Għalhekk il-Kamra se tkompli tinsisti li jkun hemm titjib permezz ta’ standards aħjar f’diversi oqsma fosthom fl-impjiegi fis-settur pubbliku, il-kunflitt ta’ interess fir-rwoli pubbliċi, il-lobbying, il-finanzjament tal-partiti politiċi u kif ukoll ir-riżorsi tal-Parlament.