Lokali Qorti

“It-Topo” għandu jixhed fil-kumpilazzjoni kontra “Il-Koħħu” il-Ħamis 20 ta’ Jannar

Darren Debono, magħruf bħala “It-Topo” għandu jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” nhar il-Ħamis, 20 ta’ Jannar quddiem il-Maġistrat Monica Vella hekk kif se terġa’ tinfetaħ mill-ġdid il-kumpilazzjoni dwar l-attentat ta’ ‘hold up’ tal-HSBC li seħħ fl-2010.

Nhar il-Ħamis li għadda l-ġuri fil-konfront ta’ Muscat mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ Pulizija f’taqbida bl-armi tan-nar li kienet seħħet dak inħar fejn fiha kienu spiċċaw feruti l-istess Debono u Muscat ġie differit ‘sine die’. Dan peress li ftit tas-sigħat qabel, tard l-Erbgħa filgħaxija l-Qorti fetħet b’urġenza fejn sar magħruf li Debono kien ammetta l-involviment tiegħu fil-każ.

Dan kien sar permezz ta’ patteġġament (ftehim) bejn l-Avukat Ġenerali u d-difiża ta’ Debono fejn waqgħu l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil minn naħa ta’ Debono għal dawk ta’ feriti gravi, prattikament l-istess akkużi li bihom qiegħed jiġi akkużat Muscat u anke Fabio Psaila. Dan tal-aħħar mistenni jgħaddi ġuri mingħajr ġurati fuq l-istess każ.

Il-fatt li waqgħu l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil fi ġlieda bl-armi bejn kriminali u l-Pulizija qajjem ferment sħiħ minn għadd kbir ta’ membri tal-Pulizija fejn anke dawn stiednu lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg,. biex flimkien mal-istaff tagħha tkun preżenti f’sitwazzjonijiet silmili ta’ ġlieda bl-armi bejn il-Pulizija u kriminali, f’reati simili.

Il-union tal-Pulizija kkummentat dwar dan u flimkien mal-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika fost oħrajn qalu li il-ftehim li sar fisser demotivazzjoni kbira fil-konfront tal-Pulizija, li wara li jkunu qdew dmirhom u jpoġġu ħajjithom f’periklu u riskju kbir, ir-reat tal-attentat ta’ qtil fil-konfront tagħhom spiċċa biex ġie annullat.

L-Imħallef Giovanni Griscti waqt li kien qies l-ammissjoni ta’ Debono kien ikkundannah 10 snin u nofs ħabs u 18,000 ewro multa bil-prosekuzzjoni titlob li Debono jixhed fil-ġuri ta’ Muscat, li kellu jkun wieħed mix-xhieda prinċipali. Dan il-fatt qajjem oġġezzjoni qawwija mill-Avukati Franco Debono u Roberto Montalto, l-Avukat ta’ Vincent Muscat.

Dan fost affarijiet oħra minħabba l-fatt li Debono, li għalih qegħdin jidhru l-Avukat Edward Gatt u Mark Vassallo ma kienx xehed fil-kumpilazzjoni quddiem Maġistrat. Il-Prosekuzzjoni riedet li l-ġuri jibda u jispiċċa xorta waħda, anke jekk ma kienitx kontra li Debono l-ewwel jagħti x-xhieda tiegħu quddiem Maġistrat.

Mistennija taqbida legali dwar ix-xhieda tat-“Topo”

Għaldaqstant minkejja li Darren Debono huwa programmat li jixhed quddiem il-Maġistrat Vella, mhux eskluż li ssir taqbida legali dwar l-ammissibilità tax-xhieda tiegħu. Fis-sottomissjonijiet tagħhom qabel ma kien se jibda l-ġuri nhar il-Ħamis, l-Avukati ta’ Muscat qalu li Debono kien ingħata sentenza sospiża f’Marzu tal-2017 wara li kien ammetta li xehed falz u ffabbrika provi.

Debono, li għandu numru ta’ kundanni preċedenti għal serq bl-armi u li kien intlaqat f’ħalqu waqt li kien qed jipparteċipa f’serqa bankarja ppjanata falluta fl-2007, fil-fergħa tal-HSBC f’Ħal Balzan kien wieġeb ħati ta’ akkużi ta’ xhieda falza u fabbrikazzjoni ta’ evidenza bejn l-2000 u l-2003.

Huwa kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa snin. Flimkien mas-sentenza sospiża. Dak inhar il-Maġistrat Ian Farrugia poġġa wkoll lil Debono taħt interdizzjoni ġenerali għal 20 sena. Debono kien ġie kkundannat ħames snin ħabs fl-2013 wara li kien instab ħati li wettaq ‘hold up’ ta’ ġojjellieri ta’ Ħ’Attard fl-2011. Qabel, fl-2011 ukoll, kien ġie kundannat sentejn u disa’ xhur ħabs, wara li nstab ħati ta’ pussess ta’ 83 gramma kokaina fl-2003.

L-akkużi ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront tal-“Koħħu” u Fabio Psaila se jaqgħu?

Minkejja li mhux l-ewwel darba li sar ftehim bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni biex jaqgħu xi akkużi meta jkun hemm ammissjoni, ħafna minn dan isir meta jew meta l-każ ikun wieħed diffiċli għal naħa jew għal oħra, inkejja għal xi parti waħda minnhom biss.

Numru ta’ avukati huma tal-fehma li dan il-każ’, peress li hemm żewġ persuni oħra mixlijin bl-istess akkużi u dan peress li t-tliet akkużati allegatament kienu fil-post u wettqu l-istess reati, il-Kapi tal-Akkużi għandhom ikunu l-istess. Għadaqstant xi avukati huma tal-fehma li Muscat u Psaila għandhom jikkontestaw l-akkużi u xejn xejn għandhom jinżlu fil-livell tal-akkużi li sar ftehim fuqhom ma’ Debono.

Ma tkunx sorpriża li l-Avukati tal-“Koħħu” u ta’ Psaila, li qed jiġi difiż mill-Avukat Arthur Azzopardi jagħmlu xi talba fil-Qorti biex ikun hemm bidla fl-akkużi tagħhom. Xejn mhuwa ċert imma legalment dan huwa possibbli li jsir. Kemm Debono, Muscat u Psaila qed jiffaċċaw mat-18-il akkuża, b’dik tal-attentat ta’ qtil taqa’ fil-konfront ta’ Debono.