Futbol Sport

Juventus jegħlbu lil Roma f’partita spettakolari… Inter jibqgħu fl-ewwel post

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Olimpico Juventus kisbu rebħa spettakolari fuq Roma bl-iskor ta’ 4-3. Kienu Roma li fetħu l-iskor fil-11-il minuta permezz tal-attakkant Ingliż Tammy Abraham. Reazzjoni immedjata minn Juventus li seba’ minuti wara kisbu l-gowl tad-draw, bil-gowl skorjat minn Paolo Dybala għal 1-1, riżultat li bih intemmet l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima Roma ħarġu fuq l-offensive u fit-48 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ meta kien Henrikh Mkhitaryan li ra x-xutt tiegħu jaħbat mad-difensur ta’ Juventus u jispiċċa fix-xibka.

Roma komplew ikabbru l-vantaġġ fit-53 minuta bi freekick mill-isbaħ ta’ Lorenzo Pellegrini. Madanakollu fis-70 minuta bdiet ir-rimonta għal Juventus meta minn cross ta’ Alvaro Morata kien Manuel Locatelli li bir-ras xeħet fix-xibka għal 3-2. Żewġ minuti wara Juventus kisbu l-gowl tad-draw meta minn xutt ta’ Alvaro Morata, approfitta Dejan Kulusevski li mill-viċin ikkonkluda fix-xibka għal 3-3. Biex fis-77 minuta wasal il-gowl tar-rebħa għal Juventus meta Matteo De Sciglio daħal tajjeb fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għeleb lil Rui Patricio għal 4-3. Fil-81 minuta Juventus spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa Matthijs De Lligt hekk kif deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Madanakollu mill-ħdax-il metru Lorenzo Pellegrini ra x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper Wojciech Szczesny.

F’SanSiro Inter komplew isaħħu l-posizzjoni tagħhom f’ras il-klassifika meta għelbu lil Lazio bl-iskor ta’ 2-1. Inter ħasbu li marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta meta minn pass ta’ Alexis Sanchez kien Lautaro Martinez li xeħet fix-xibka, bil-gowl ikun imħassar wara konsultazzjni mal-VAR minħabba offside. Madanakollu Inter marru fil-vantaġġ fit-30 minuta meta b’konklużjoni minn barra kien Alessandro Bastoni li xeħet fix-xibka għal 1-0. Lazio kisbu d-draw ħames minuti wara meta kien Ciro Immobile li għeleb lil Samir Handanovic għal 1-1. Inter skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-67 minuta meta minn cross ta’ Alessandro Bastoni kien Milan Skriniar li bir-ras tefa’ fix-xibka għal 2-1.

Intant Stadio Pierluigi Penzo Milan kisbu rebħa ta’ 3-0 fuq Venezia biex żammew il-pass ma’ Inter fit-tieni post tal-klassifika, punt taħt il-leaders. Zlatan Ibrahimovic poġġa’ lil Milan fil-vantaġġ wara żewġ minuti logħob meta xeħet fix-xibka mill-viċin fuq pass ta’ Rafael Leao. Fit-tieni taqsima doppjetta ta’ Theo Hernandez fit-48 u fid-59 minuta minn penalty assigurat minn tliet punti faċli għal Milan.

SERIE A

Illum: Venezia v Milan 0-3, Empoli v Sassuolo 1-5, Udinese v Atalanta 2-6, Napoli v Sampdoria 1-0, Roma v Juventus 3-4, Genoa v Spezia 0-1, Verona v Salernitana 1-2, Inter v Lazio 2-1