Lokali

L-ebda pjan t’għajnuna mill-Gvern għall-għoli tal-ħajja

Għaddiet ġimgħa mindu rajna żieda drastika fil-prodotti tal-ħalib… u l-Gvern ghadu s’issa bla reazzjoni. B’membru tal-kabinett ieħor juri illi Robert Abela m’għandux pjan konkret ta’ kif jista’ jgħin lill-poplu Malti u Għawdxi fid-dawl taz-zieda fl-għoli tal-ħajja.

Fil-fatt, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal biss li hu jifhem minn xiex għaddejjin in-nies…iżda xorta ma offriex soluzzjonijiet.

Hu qal li l-Gvern ta l-fondi biex in-nies jibqgħu mexjin. Izda injora kompletament il-karba tal-poplu ghall-fatt li ż-żieda ta’ €1.75ċ ghall-għoli tal-ħajja ma kinitx biżżejjed.

Meta mistoqsi jekk jinkwetahx il-fatt li jum wara l-ieħor qed naraw żieda fil-prodotti li nixtru ta’ kuljum, b’mod speċjali dawk bażiċi, hu baqa’ ma weġibnix …filwaqt li ħarab mill-cameras ta’ Net News.

Ta’ min wieħed ifakkar li matul ix-xhur li għaddew diġa’ kellna żidiet fil-prezz tal-ħobż, il-butir u prodotti tal-ħasil – u issa n-nies qed jesperjenzaw żieda fil-prezz tal-prodotti tal-ħalib… żieda li tvarja bejn 10 ċenteżmi u €2.60ċ.

B’ħafna jaraw iż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa li ta l-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar budget bħala daħka fil-wiċċ meta wieħed jirrealizza li din iż-żieda issa tista’ biss tissarraf fi kwart irkotta friska fil-ġimgħa.. għalkemm prodotti oħra jiswew ħafna aktar.

Il-ġimgħa li għaddiet lanqas il-Ministru Michael Falzon ma ta serħan il-moħħ lill-poplu dwar iz-zieda enormi fil-prezzijiet. Anzi, insista li l-isfidi matul din is-sena se jissoktaw.