L-istat primittiv tal-isptar Monte Carmeli qed ikun il-kaġun li persuni bi problemi mentali qegħdin jispiċċaw agħar milli kienu meta jintbagħtu għall-kura f’din il-binja antikwata. Ħafna mill-pazjenti li daqu dan l-isptar u anke għamlu xi żmien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jgħidu li ma hemm xejn differenti u minflok fejqan ħafna jispiċċaw fi stat ta’ disprament.
Numru ta’ pazjenti li esperjenzaw Monte Carmeli mhumiex jomogħodu d-diskors, fejn qalu li kienu qegħdin jikkunsidraw jikkommettu suwiċidju. It-tħassib dwar l-istat tal-isptar li jinsab Ħ’Attard ilu l-aħbarijiet. Ħafna mis-soqfa tiegħu ġew ikkundannati mill-periti fl-2019. Il-gvern qed jippjana li sal-2025 jibni sptar ġdid għas-saħħa mentali, ħdejn l-isptar Mater Dei. Aktar minn tliet snin ta’ għexieren ta’ pazjenti jistennew. Ara biex infaqqaw il-miljuni lil Vitals, dak malajr u bla ebda problemi.
Dawn huma l-weġgħat ta’ ħafna mill-pazjenti u l-familjari li għaddejjin minn din it-trawma. Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma’ omm żgħażagħ ta’ 18-il sena li ilu għaddej minn problemi u li ddeskriviet l-isptar Monte Carmeli bħala “problema” minflok is-soluzzjoni għal binha.
“Hemm bżonn li dan l-isptar jingħalaq darba għal dejjem u l-pazjenti jingħataw id-dinjità li tixirqilhom u jinstab post fl-ipstar Mater Dei. It-taboo waħdu biss li wieħed jispiċċa Monte Carmeli, jkompli joħloq problemi għall-pazjenti li għandhom bżonn il-kura mentali.”
Dan kien il-kliem ta’ omm imġarrba u li binha kien għamel perjodu f’dan l-isptar għall-kura. Omm li binha jagħtih ferħ ta’ ġenn meta jagħmel ħin twil id-dar, u meta joħroġ barra jsib ir-refuġju. Imma x’ġara meta kien Monte Carmeli?
Spiċċa msakkar f’post tat-twerwir u bini delapitat u minflok beda jfieq spiċċa agħar. Għaliex dan it-tkaxkir tas-saqaj, qed tistaqsi din l-omm biex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni, u ssir binja li tagħti dinjità lill-pazjent u biex binja li twerwru.
L-istaff ta’ Mater Dei qaltilna din l-omm huma taz-zokkor, tajbin f’xogħlho, jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaraw lill-pazjent aħjar – imma tista’ tkun l-aqwa mekkanik, l-aqwa għalliem, l-aqwa xufier, imma jekk ma jkollokx l-aqwa għodda, jew tal-anqas għodda sura ta’ nies, l-aqwa skejjel u l-aqwa vetturi, ma tistax taħdem.
Is-sitwazzjoni tal-pandemija m’għenitx lanqas. L-istat “disgustanti” tas-sala ta’ seklużjoni fl-isptar tas-saħħa mentali Conte Karmeli huwa tal-biki. Ċella” b’xejn ħlief saqqu rqiq fuq fejn wieħed jorqod u toilet (jekk tista’ ssejjaħlu hekk) mingħajr flushing.
Teżist aktar minn ċella waħda ta’ madwar 12 b’10 piedi, disgustanti, għall-aħħar. Madwar sena ilu żagħżugħa Olandiża ta’ 21 sena kienet kitbet dwar l-esperjenza ta’ tmint ijiem li għamlet f’dan l-isptar. “Kien infern,” qalet Belle de Jong, u ddeskriviet doċċa komunali simili għal dik tal-kampijiet ta ‘konċentrament Ġermaniżi, żoni komuni maħmuġin u delapitati, distribuzzjoni kaotika ta’ medikazzjoni, nuqqas ta ‘arja friska u li persuna titneżża għarwiena għal kontroll tad-droga.
Kif għandhom ikunu l-isptarijiet mentali
Il-Gvern li ta’ spiss iħobb jiftaħar li aħna l-aqwa fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja, messu jħares lejn pajjiż oħra Ewropej dwar it-trattamet tal-kura mentali. Sena ilu l-Gvern Ingliż permezz tal-NHS ħabbar il-ftuħ ta’ “Cheshire and Wirral Partnership NHS Foundation Trust” (CWP) – żewġ swali ġodda tas-saħħa mentali state of the art f’Macclesfield. Dan mal-faċilitajiet diġa eżitenti.
Is-swali Silk and Mulberry qegħdin jużaw ukoll bħala parti mit-trattament il-wirt lokali tal-produzzjoni tal-ħarir taż-żona u jipprovdu valutazzjoni u trattament għal nies lokali li jesperjenzaw kriżi tas-saħħa mentali. Silk and Mulberry Wards huma r-riżultat ta’ programm ta’ investiment ta’ £4.5 miljun biex jiġu mmodernizzati s-servizzi ta’ pazjenti li jeħtieġu żjara fl-isptar, bħala parti minn titjib usa’ fis-servizzi lokali tas-saħħa mentali.
Il-ftuħ taż-żewġ swali f’post diġa attrezzat jifforma parti minn titjib kbir, li jfisser li n-nies lokali jistgħu jaċċessaw servizzi mtejba tas-saħħa mentali tal-komunità u kura għall-kriżi tas-saħħa mentali 24/7. Dawn is-servizzi ġodda qed jappoġġjaw aktar nies biex ikomplu ħajjithom, b’appoġġ, fil-komunità filwaqt li jipprovdu kura fl-isptar ta’ kwalità għolja meta jkun hemm bżonn. Mulberry Ward, ibbażata fuq is-sit ta’ Lime Walk House f’Victoria Road, se tipprovdi kura speċjalizzata għall-pazjenti adulti u anzjani milquta serjament minn problemi ta’ saħħa mentali inklużi skizofrenija, psikożi u dipressjoni.
Sadanittant, Silk Ward, fuq is-sit tal-Isptar Ġenerali tad-Distrett ta’ Macclesfield, magħrufa formalment bħala CARS Ward, qed tipprovdi trattament u assessjar ta’ inpatient speċjalizzat għal persuni bid-dimenzja. Dr Andrew Wilson, president kliniku tal-NHS Cheshire Clinical Commissioning Groups (CCGs), qal; “Ninsab kuntent li nara l-ftuħ taż-żewġ faċilitajiet ġodda tas-saħħa mentali f’Macclesfield.
“Huwa essenzjali li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipprovdu lill-pazjenti aċċess f’waqtu għal servizzi ta’ kwalità għolja. Dawn is-swali l-ġodda se jiżguraw li l-utenti tas-servizz jieħdu l-aħjar kura possibbli biex jgħinuhom jirnexxu u mhux biss jgħixu.”
Ward hija sala moderna spazjuża ta’ 26 sodda, fuq livell wieħed, u fiha ġnien miftuħ, bitħa, faċilitajiet ta’ gym, u kmamar tas-sodda kollha en-suite. Dan jiżgura li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet fiżiċi jew bżonnijiet ta’ saħħa kumplessi, kif ukoll li tissodisfa l-gwida attwali mill-Kummissjoni dwar il-Kwalità tal-Kura dwar il-privatezza u d-dinjità.
Silk Ward hija sala ta’ 15-il sodda, bl-ispazju jqis il-bżonnijiet tan-nies li jgħixu bid-dimenzja u l-familji tagħhom. Silk Ward għandha wkoll End of Life Room għall-familji biex ikunu ħdejn il-maħbubin tagħhom. Il-faċilitajiet huma eċċellenti – titjib kbir fuq dak li kien disponibbli qabel. Hemm servizzi ta’ in-patient tajbin għall-era moderna.”
“Kull fejn hu possibbli, in-nies jippreferu li jirċievu appoġġ f’waqtu d-dar, biex l-ewwelnett jipprevjenu d-dħul fl-isptar. Żviluppi ta’ merħba fis-servizzi komunitarji diġà qed iseħħu, u se nkomplu niskrutinjaw il-proċess kollu biex niżguraw li l-pjanijiet jitwettaq,” qal kelliem tal-isptar.
//= $special ?>