Lokali Parlament

Sodisfatt li art pubblika fil-Mellieħa se tibqa’ protetta

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista u Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar espriema sodisfazzjon li s-sens komun rebaħ meta art pubblika li suppost kienet se tintuża għat-tkabbir tan-naħal fil-Mellieħa se tibqa’ protetta wara li l-Prim Mnistru intervjena dwar il-każ. Jirriżulta li kien hemm skopijiet oħra wara din l-offerta għaliex iż-żona qatt ma setgħet tintuża għat-tkabbir tan-naħal.

Fl-Aġġornament tal-parlament Robert Cutajar qal li kien ippreżenta fil-parlament petizzjoni f’isem residenti tal-Mellieħa dwar din l-offerta mill-Awtorità tad-Djar u tal-Artijiet; liema offerta dehret stramba u suspettuża.

Hu kien appella wkoll lill-Prim Ministru dwar dan il-każ u jinsab sodisfatt għaliex din l-art li kellha tingħata biex jitkabbar in-naħal issa se tibqa’ pubblika. Robert Cutajar qal li kien iltaqa’ mal-Prim Ministru dwar dan u sostna li l-Prim Ministru kien tah il-kelma li l-offerta kienet se tkun irtirata.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru refa’ responsabbiltà ta’ gvern u staqsa min kien li ħareġ din l-offerta. Hu kompla li anki l-Ministru Silvio Schembri kien ikkonferma li kien hemm kuntatt mal-Prim Ministru.

Hekk irridu naħdmu f’dan il-pajjiż sakemm kien hemm diversi deċiżjonijiet li fihom awtoritajiet abbużaw, sostna Robert Cutajar li kompla li kien hemm skandli kbar fid-Dipartiment tal-Artijiet. Min hemm imexxi ma tgħallimx, sostna Robert Cutajar, li kompla li deċiżjonijiet bħal dawn li ħa l-Prim Ministru għandhom jittieħdu anki f’każi oħra.