Ambjent Lokali

Żewġ azzjonijiet fil-Qorti kontra l-approvazzjoni tal-proġett fuq l-art fejn kien l-ITS

Tliet Kunsilli Lokali flimkien ma’ numru ta’ organizzazzjonjiet u residenti ressqu żewġ azzjonijiet fil-Qorti kontra l-approvazzjoni tal-proġett tal-kumpanija DB fuq dak li kien is-sit tal-ITS.

Waħda mill-azzjonijiet fil-Qorti tappella l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA)  ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) difettuża sew li saret dwar il-proġett, filwaqt li l-azzjoni l-oħra qed tappella d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar biex il-proġett jitħalla jsir, deċiżjoni li injorat il-policies tal-ippjanar u li involviet proċess irregolari u inġust.

Iż-żewġ azzjonijiet fil-Qorti ġew imressqa wara li żewġ appelli oħra tagħna ġew miċħuda mit-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) ix-xahar li għadda. Id-deċiżjoni tal-EPRT li ma tilqax l-appelli tagħna kienet mistennija peress li t-Tribunal għandu rekord tal-mistħija li jiddeċiedi b’mod konsistenti kontra dawk li joġġezzjonaw u favur l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u forzi oħra b’saħħithom.

Fl-2019, l-EPRT kien ċaħad l-appell tagħna kontra l-ewwel deċiżjoni favur il-proġett tad-DB, imma d-deċiżjoni tiegħu ġiet mibdula mill-Qorti, li ikkanċellat il-permess tad-DB.  

L-iżvilupp propost mid-DB, fuq art li qabel kienet pubblika, jikkonsisti f’żewġ torrijiet residenzjali ta’ 17 u 18-il sular il-wieħed u lukanda ta’ 12-il sular. Dawn se jitilgħu litteralment faċċata ta’ żona residenzjali kbira f’Pembroke u eżatt ħdejn żewġ siti ta’ Natura 2000. Il-proġett se jinbena wkoll madwar u fuq żewġ siti skedati, St George’s barracks u Għar Ħarq il-Ħamiem, sistema ta’ għerien terrestri ta’ valur ġeoloġiku u ekoloġiku uniku, kif ukoll siti oħrajn ta’ valur storiku.

Ir-residenti kemm-il darba esprimew l-inkwiet tagħhom dwar id-daqs enormi u l-intensità ta’ dan l-iżvilupp sproporzjonat f’żona primarjament residenzjali kif ukoll it-tħassib tagħhom dwar kif Paceville huwa mistenni li jkun estiż u jibqa’ dieħel f’Pembroke.

Fi stqarrija, intqal illi grazzi għar-rispons b’saħħtu li kellna mill-pubbliku għall-kampanja tagħna ta’ ġbir ta’ fondi s-sena li għaddiet, aħna erġajna qegħdin f’pożizzjoni fejn nistgħu inkomplu niġġieldu kontra dan il-proġett mostruż billi nieħdu dawn l-azzjonijiet fil-Qorti.

L-appelli fil-Qorti ġew imressqa minn dawn li ġejjin:

  • Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke
  • Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan
  • Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi
  • ACT Malta
  • Din l-Art Ħelwa
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • Il-Moviment Graffitti
  • Nature Trust Malta
  • Rota
  • The Archaeological Society Malta
  • Residenti ta’ Pembroke u s-Swieqi

bl-appoġġ ta’ BirdLife Malta, Ramblers Association of Malta u Sustainable Built Environment (SBE) Malta.