Lokali

Booster kull erba’ xhur jista’ jikkawża problemi – EMA

Qed tkun evalwata l-possibbiltà li l-boosters jingħataw bi spazju itwal bejn wahda u ohra għax tilqima kull erba’ xhur tista’ tkun ta’ overdose għas-sistema immunitarja.

Kliem Marco Cavaleri, il-Kap tas-sezzjoni fi ħdan l-Awtorità Ewropea dwar il-Mediċini responsabbli mit-theddid fuq is-saħħa u l-istrateġija tal-vaċċinar, fil-konferenza tal-aħbarijiet li tingħata ta’ kull ġimgħa dwar l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Hu spjega li dan l-aħħar kien innutat li l-virus infirex b’qawwa fost it-tfal u ż-żgħażagħ, għalkemm l-effett ma kienx qawwi fuq il-maġġoranza tagħhom. Fl-istess waqt, l-aħħar studji urew li l-vaċċin hu effettiv fuq it-tfal daqskemm fuq l-adulti, filwaqt li s-side effects fuqhom huma improbabbli ħafna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, kompla jispjega Marco Cavaleri, l-Awtorità se tindirizza malajr kemm jista’ jkun talbiet għal boosters għal żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena. Min-naħa l-oħra, l-EMA għadha ma ratx statistika dwar il-possibbiltà tar-raba’ tilqima f’dan l-istadju.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar meta l-Awtorità mistennija tapprova tilqim li jindirizzaw il-varjanti tal-virus, hu spjega li l-EMA teħtieġ bejn tlieta u erba’ xhur biex tiffinalizza dan il-proċess.

Dwar l-effett tat-tilqim fuq nisa tqal, Marco Cavaleri spjega li t-Task Force dwar il-Covid-19 qed jinnutaw li l-vaċċin hu importanti anke għalihom, ladarba l-virus jista’ jaffetwa ħażin lill-omm u lit-tarbija, bil-vaċċin jibqa’ l-aħjar arma.

Fuq kollox, hu qal li l-maġġoranza tal-każi severi li rriżultaw madwar l-Unjoni Ewropea – partikolarment dawk li jinsabu fit-Taqsimiet tal-Kura Intensiva – huma fost dawk li ma ħadux il-vaċċin.

Tags