Lokali

Bżonn urġenti li nindirizzaw il-pjaga tal-għoli tal-ħajja – Bernard Grech

Irridu nkomplu naraw li anke n-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna jkunu parti mis-suq Ewropew. U hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi fond ta’ €40 miljun li jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija minn u lejn Malta, partikolarment għall-materja prima.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul żjara fl-istabbiliment Il-Qronfla, f’Burmarrad, fid-dawl tal-isfidi li l-poplu qed jiffaċċja minħabba l-pjaga dejjem tikber tal-għoli tal-ħajja.

Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu se jibqa’ jaħdem u ffukat biex jgħin lill-imprendituri jikbru u jissaħħu. Dan hekk kif hu konxju mid-diffikultajiet li sabu n-negozjanti fl-aħħar sena, tant li sfortunatament kien hemm min kellu jagħlaq għal kollox.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-fatt li anke l-greylisting ta’ pajjiżna qed jaffettwa direttament lin-negozjanti. Tant hu hekk li dawn qed jispiċċaw ma jsibux biżżejjed għajnuna mill-banek lokali, li min-naħa tagħhom qed isibu diffikultà minħabba r-riskju.

Għaldaqstant, hu qal li l-Gvern għandu jindirizza din is-sitwazzjoni u jekk mhux kapaċi il-Gvern preżenti, se jkun Gvern ġdid immexxi minnu li se jagħmel dan.

Akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, Bernard Grech ra l-ħidma li qed issir biex dan in-negozju jissaħħaħ u jiddiversifika, filwaqt li faħħar l-impenn ta’ dawn l-individwi u l-impjegati tagħhom minkejja l-mewġ li qed jiffaċċjaw.