Lokali

Clayton Bartolo “kommess” li ma jweġibx dwar it-tberbiq fl-MTA

Skomdu immens, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo jibqa’ mhux kapaċi jiddisassoċja ruħu mill-persuni li jitqiesu minn ħafna bħala l-legat ta’ Konrad Mizzi fit-turiżmu.

Fost rabja kbira li qegħda kull ma tmur tikber qalb il-ħaddiema ġenwini fl-Awtorità tat-Turiżmu, Bartolo jibqa’ ċass u minflok, kapaċi biss jirrepeti diska waħda. Dik li hu jibqa’ “kommess”.

Ħaddiema fl-MTA huma nferuċjati għal dak li qed jaraw jiġri bejn l-erba’ ħitan tal-post tax-xogħol tagħhom.

Il-kuntratti kbar li qed jingħataw lil kumpaniji li kumbinazzjoni wkoll huma ta’ persuni qrib ħafna tal-eks Ministru Konrad Mizzi, il-konsulenzi waħda wara l-oħra lill-ħbieb tal-ħbieb, l-eluf kbar li qed jinteqfu fuq digital marketing u li m’huma qed iwasslu prattikament għal imkien. Dan kollu qed jinkorla mhux ftit lil min jifhem kif jaħdem is-settur.

L-istess nies li qed jgħidu li l-Ministru qisu qed jibqa’ jibża’ jirfes il-kallijiet ta’ erba’ bażużli li jidher li għandhom aktar saħħa minnu. Fil-fatt mistoqsi jekk hux komdu jaħdem ma’ dawn in-nies, Bartolo wieġeb dwar il-pjan ta’ rkupru.

Wara li deher li l-Ministru ma fehemx il-mistoqsija li għamilnilu, erġajna ppruvajna nistaqsu, u Bartolo reġa’ ma weġibx.

Konna aktar diretti u staqsejna lill-Ministru hux komdu b’Johann Buttiegieg imexxi l-MTA, u oħroġ il-għaġeb, il-Ministru baqa’ ma weġibx.

Bartolo tant kien skomdu li sar aħmar nar u baqa’ jipprova jiżgiċċa milli jwieġeb dwar Buttigieg.

Johann Buttigieg kien suġġett ta’ kontroversji fil-passat, fosthom li pprova jikseb impjieg ma’ Yorgen Fenech u kien insista miegħu li jrid li jagħmlu negozju flimkien.

Hu kien inħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar malli tela’ Gvern Laburista u fl-2019 ħalla din il-kariga biex ingħata l-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv fl-MTA.

Sadanittant, wara li ntefqu ħafna flejjes biex saret l-attività ta’ Fairyland fil-Belt Valletta tul il-perjodu tal-Milied, NET News staqsa lill-Ministru responsabbli f’kemm-il turist żejjed issarfet din l-attività, bil-Ministru Clayton Bartolo jidher totalment mitluf anke għal din il-mistoqsija sempliċi.