Internazzjonali

Covid-19: Daqshekk testijiet tal-PCR għal min ma jurix is-sintomi tal-virus fl-Ingilterra

In-nies li ma jurux sintomi tal-Covid mhumiex se jeħtieġu aktar li jgħaddu minn test tal-PCR – bil-bidla fir-regoli tirrifletta l-prevalenza għolja tal-coronavirus qalb il-komunità u l-preċiżjoni tar-rapid tests.

Il-bidla u r-raġunijiet warajha kienu spjegati mill-UKHSA, l-Aġenzija għas-Sigurtà tas-Saħħa fir-Renju Unit. Dan wara li l-ispinta fil-każi tal-varjant Omicron fl-Ingilterra wasslu għal sitwazzjoni fejn ħafna nies li jittestjaw pożittiv inizjalment qed isibuha diffiċli biex jibbukkaw PCR sussegwenti.

Ir-Renju Unit għandu l-kapaċità għal aktar minn 800,000 test, kuljum, fil-laboratorju iżda jidher wasal viċin il-kapaċità tiegħu matul ix-xahar li għadda,.

Id-domanda għal dawn it-testijiet żdiedet fl-ewwel ġimgħa tas-sena b’medja ta’ bejn 600,000 u 700,000 test tal-PCR. L-awtoritajiet tas-saħħa, issa, qed jittamaw li l-bidla inkwistjoni ttejjeb l-aċċess għat-testijiet tal-PCR għan-nies li jkunu qed juru sintomi tal-Covid.

Il-bidla anki mistennija tgħin ‘is-sitwazzjoni’ għas-sistemi tal-kura tas-saħħa, it-trasport tal-pazjenti u l-proċess biex il-ħaddiema fis-setturi kruċjali jagħmlu t-testijiet għall-Covid b’mod aktar regolari.

Madankollu, in-nies fl-Ingilterra li għandhom xi wieħed mit-tliet sintomi ewlenin tal-Covid  — jiġifieri deni, sogħla kontinwa u nuqqas tas-sens tat-togħma jew tax-xamm – iridu jgħaddu bilfors minn test tal-PCR.

Min-naħa tagħha il-UKHSA qalet li s-sistema tal-lateral flows għandha effettività ta’ ‘il fuq minn 80 fil-mija biex ikunu indikati persuni morda bil-virus u li għandhom l-akbar kapaċità biex jinfettaw lil ħaddieħor. Ingħad ukoll li għal kull 10,000 rapid test li jsiru, il-probabbiltà hi li joħorġu anqas minn tliet riżultati qarrieqa magħrufin bħala ‘false positives’.