Lokali

Dak li qed jipproponi l-Gvern hu biss qatra fl-oċean – PN

“Filwaqt li nilqgħu il-ħatra tal-kumitat dak li qed jipproponi l-Gvern hu biss qatra fl-oċean.”

Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fejn ġie spjegat li din ma kienetx għajr reazzjoni dgħajfa għall-abbozz ta’ liġi bla preċedent li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Intqal li f’dak li ħabbar Robert Abela fi stqarrija ma hemm ebda miżuri konkreti li:

  • Jelenkaw d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni;
  • Jiġġieldu il-korruzzjoni istituzzjonalizzata;
  • Jindirizzaw it-tfixkil tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
  • Jirregolaw abbuż mill-gvern waqt kampanja elettorali;
  • Jipprovdi għall-ħolqien ta’ reati minn uffiċjal pubbliku inkarigat bl-infurzar tal-ligi li dolożament jonqos minn dmiru;
  • Jipprevedu l-ħolqien ta’ reati ġodda ta’ użu illegali ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali minn uffiċjali pubbliċi b’dannu għall-fondi pubbliċi;
  • Jipprovdu għall-ħolqien ta’ reat ġdid kontra l-assoċċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża;
  • Jipprovdu għal poter lill-qorti kriminali toħroġ ordni ta’ Ġid mhux spjegat kontra politiċi u kriminali;
  • Jipprovdu għodda aħjar lill-Pulizija fl-investigazzjoni ta’ delitti gravi;
  • Jankraw d-dritt għall-midja ħielsa fil-kostituzzjoni.

“Dan hu pass żgħir ħafna ta’ gvern f’paniku wara li ra l-abbozz ta’ liġi li ġie ppreżentat lill-ispeaker it-Tnejn filgħaxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni.”

Il-PN insista li għaddew sitt xhur wara l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika u kien biss wara li ppreżenta l-abbozz ta’ liġi l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-gvern rreaġixxa.

“Robert Abela għandu jilqa’ l-appell tal-oppożizzjoni u jiddiskuti l-abbozz imressaq mill-aktar fis fil-parlament. B’hekk nassiguraw li isem pajjiżna jibda jitnaddaf u nibdew it-triq biex noħorġu mill-Greylisting.”