Lokali Qorti

Deċiżjoni fi Frar jekk l-Istat hux se jkun parti fil-kawża għad-danni li saret mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice qalet li fit-3 ta’ Frar li ġej se tagħti digriet fuq talba li saret mill-Avukati ta’ Melvin Theuma biex l-istat ikun parti mill-kawża għad-danni li għamlet il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kontra dawk responsabbli mill-qtill tagħha.

It-talba ta’ Theuma, il-middleman fil-qtil tal-ġurnalista mhijiex tiġi opposta mill-persuni l-oħra li qegħdin fil-kawża għad-danni li qed issir.Fil-bidu it-talba saret fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-allegat moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista, u wara din ġiet estiża fil-konfront ta’ Melvin Theuma, Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil tagħha, l-aħwa George u Alfred Degiorgio u finalment fil-konfront ta’ Robert Agius magħruf bħala “Tal-Maksar” u Jamie Vella, li qegħdin jiġu mixlija li ssupplixxew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

L-Avukati ta’ Melvin Theuma, Matthew Brincat u Kathleen Calleja Grima qegħdin jitolbu biex l-Istat jiżdied bħala akkużat f’azzjoni għad-danni mill-familja tal-ġurnalista assassinata. Theuma qed jagħmel dawn fid-dawl tal-inkjesta pubblika sabet li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-qtil li seħħ f’Ottubru 2017.

Huwa qed jitlob li l-Istat, kif rappreżentat mill-Prim Ministru, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għandhom jagħmlu parti mill-kawża. Meta ġew trattati r-rikorsi l-Avukati ta’ Theuma qalu li l-inkjesta pubblika preseduta mill-eks Imħallef Michael Mallia, mill-Imħallef Abigail Lofaro u l-Prim Imħallef Emeritu Joe Said Pullicino sabet lill-Istat responsabbli ta’ dak li ġara.

Qalu li l-Istat ma kkontestax dak li ħareġ mill-inkjesta u qal li mhux se jappella l-kontenut tagħha u għaldaqstant għandu jagħmel parti mill-kawża. L-Avukat Calleja Grima qalet li skont il-liġi ħadd ma jista’ jingħata danni doppjament, u għaldaqstant ma jistax wieħed jieħu danni minn dawk li saret il-kawża kontrihom u wara jibda proċeduri għad-danni kontra l-Istat. Hija kompliet tgħid li mhux qed tifhem l-oġġezzjoni minn naħa tal-Avukat Joseph Zammit Maempel, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia.

Minn naħa tiegħu Zammit Maempel qal li jekk jidħol fiha l-Istat, li jkun rappreżentat minn ruxxmata avukati oħra, l-każ jista’ jtawwal u l-bambin biss jaf meta l-kawża tiġi eżawrita. L-Avukat Zammit Maempel qal, ‘il-kawża tagħna għandha l-premessi tagħha, qed infittxu lil dawk in-nies li kienu parteċipi f’azzjoni premeditata biex tinqtel Daphne Caruana Galizia. Tenna li l-Qorti għandha tkun marbuta b’dawk il-parametru……li ngħidu lill-Gvern biex jidħol fil-kawża, nkunu qed qed naħlu ż-żmien.

“Li ndaħħlu xi erba’ avukati oħra ma nistgħu qatt naslu. Hemm inkjesta pubbika, vera. Ammissjoni li nħoloqot atmosefera ta’ impunità, imma dan kollu mhux se jiskolpa lil dawk involuti,

“Jekk ikollna avukat nieqes, ukoll jista’ ma jsir xejn”, tenna l-Avukat. L-Avukat Calleja Grima qalet li alla ħares niddeċiedu rikors għax ntawwlu jew għax se jkollna ħafna avukati l-awla, “aħna qed ngħidu li l-Istat, ‘has to foot the bill as well.’

Is-sena l-oħra Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista, flimkien ma’ wlied il-koppja Matthew, Andrew u Paul, fetħu proċeduri ċivili għal likwidazzjoni ta’ danni kontra n-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità biex twettaq il-qtil, kif ukoll l-allegati qattiela George. u Alfred Degiorgio, Vincent Muscat u l-middleman Melvin Theuma.

Il-każ ġie istitwit f’Ottubru 2020, xhur qabel ma ġiet konkluża l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Wara żviluppi aktar riċenti, partikolarment l-arrest  ta’ Robert u Adrian Agius, Jamie Vella u George Degiorgio fi Frar, il-familja tal-vittma ressqet rikors ieħor f’Mejju fejn talbet li Robert Agius u Vella jiddaħħlu fil-kawża.

Dik it-talba sussegwentement kienet ġiet milqugħa mis-Sinjura Imħallef Anna Felice li qed tippresjedi l-kawża quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili. Issa trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-Prim Ministru, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għandhomx jissejħu fil-kawża. L-Avukati Anna Mallia u Marc Sant qed jassistu lil Fenech. L-Avukat William Cuschieri qed jidher għall-aħwa Degiorgio.

Fil-bidu tas-seduta ġie żvelat li Vince Muscat u l-Avukat Alfred Abela li qed jidher għal “Tal-Maksar” jinsabu fi kwarantina. Anke l-Avukat William Cuschieri jinsab fi kwarantina.