Il-President ta’ Malta George Vella laqa’ l-istedina tal-President Ċiniż, Xi Jinping, għal żjara fiċ-Ċina.
Il-President Vella kellu telefonata mal-President Ċiniż fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iċ-Ċina u Malta. Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President qal li ż-żewġ presidenti qablu li r-relazzjonijiet huma eżemplari u bbażati fuq ir-rispett reċiproku u d-djalogu.
Huma laqgħu r-riżultati tanġibbli u l-kooperazzjoni estensiva matul dawn il-ħamsin sena, filwaqt li osservaw ukoll li r-relazzjonijiet huma bbażati fuq qafas ġuridiku sod li jkopri s-saħħa u l-mediċina, l-enerġija, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ.
Din il-kooperazzjoni ġiet estiża fl-aħħar xhur biex tinkludi wkoll miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-imxija tal-pandemija tal-COVID-19, permezz tad-donazzjoni ta’ tagħmir protettiv.
//= $special ?>