Internazzjonali

Il-Covid fl-Ingilterra: Boris Johnson mill-ġdid taħt pressjoni dwar allegat ‘abbuż tal-lockdown’

Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson jinsab mill-ġdid taħt skrutinju minħabba ċertu aġir waqt il-pandemija, Dan meta mistennija titressaq mistoqsija urġenti fil-Parlament dwar party li sar żmien ilu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street, f’Londra.

Mifhum li madwar 100 persuna kienu mistiedna għall-avveniment, organizzat fil-ġnien ta’ Downing Street, matul l-ewwel lockdown fil-pajjiż – u fejn il-mistednin kienu mħeġġa ‘biex iġibu x-xorb ( alkoħoliku) magħhom..

Ix-xhieda qalu li Boris Johnson u martu Carrie kienu fost ftit għexieren ta’ nies li attendew l-avveniment li seħħ fl-20 ta’ Marzu tal-2020. Dan meta l-Prim Ministru naqas milli jgħid ‘jekk kienx preżenti għall-party’ wara li l-ġurnalisti mal-ITVNews kisbu l-invit oriġinali li ntbagħat b’email.  Min-naħa tagħha, Hannah White, bħala persuna strumentali mal-Istitut tal-Gvern Britanniku, qalet li hu ‘ferm improbabbli’ li l-istediniet ħarġu mingħajr il-kunsens tal-Prim Ministru Johnson.

Kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalu li dan il-festin – u avvenimenti oħra li saru fl-Ingilterra taħt ir-restrizzjonijiet tal-Covid – huma suġġetti għal investigazzjoni indipendenti li qed imexxi uffiċjal għoli maċ-ċivil.