Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jitlob seduta parlamentari speċjali dwar l-attakk li qed isir fuq l-istituzzjoni tal-Ombudsman

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela biex b’mod urġenti jsir dibattitu parlamentari f’seduta speċjali sabiex tiġi diskussa u indirizzata l-ittra li l-ombudsman bagħat lill-ispeaker tal-Kamra tar-rappreżentanti.

Fl-ittra l-Ombudsman esprima t-tħassib tiegħu għall-attakk ‘dirett u frontali’ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar,li fi kliem l-Ombudsman stess din hi reazzjoni b’allegazzjonijiet, nofs veritajiet u insinwazzjonijiet diretti u indiretti.

L-Ombudsman qed jgħid ukoll li s-Segretarju Permanenti Ewlieni qed jipprova jrażżan l-awtorità tal-Ombudsman.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan hu attakk fuq istituzzjoni parlamentari li għandha ssib id-difiża sħiħa taż-żewġ naħat tal-Kamra. L-uffiċċju tal-Ombudsman huwa istituzzjoni Parlamentari importanti li qed taqdi funzjoni kruċjali fid-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li kien ressaq numru ta’ ismijiet ta’ persuni li fil-fehma tiegħu huma idoneji biex iservu fil-kariga ta’ Ombudsman wara li l-mandat tal-Ombudsnan attwali ntemm f’Marzu 2021. Sallum għad ma hemmx qbil.