Sport Sport Ieħor

“Il-kontroversja ta’ Djokovic għamlet ħafna ħsara lill-isport tat-tennis” – ATP

“Il-kontroversja tal-visa ta’ Novak Djokovic fl-Awstralja għamlet ħafna ħsara lill-isport tat-tennis madwar id-dinja”. Hekk saħqet l-organizzazjoni tat-tennis tal-irġiel, l-ATP, wara li Novak Djokovic ma tħallix jidħol fl-Awstralja għaliex m’huwiex vaċċinat.

Il-qorti f’Melbourne laqgħet l-appell ta’ Djokovic sabiex terġa’ tingħatalu l-visa biex jilgħab fl-Open tal-Awstralja. Is-seed numru wieħed ħareġ jitħarreġ biex jipparteċipa fl-ewwel Grand Slam tas-sena, għalkemm il-Ministru tal-Immigrazzjoni fl-Awstralja għandu l-poter li jerġa jirrevokalu l-visa.

Aktar kmieni dan ix-xahar Djokovic ħabbar li kien se jkun qed jipparteċipa fl-Open tal-Awstralja wara li ngħata eżenzjoni medika biex jidħol fl-Awstralja minkejja li m’huwiex vaċċinat.

Din il-kwistjoni ħolqot ukoll tensjoni bejn il-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi, fejn diversi persuni ħarġu jipprotestaw kemm fl-Awstralja kif ukoll fis-Serbja, favur jew kontra li Novak Djokovic jitħalla jidħol fil-pajjiż.