Lokali Parlament

Il-PN jappella lill-Gvern biex ikun ċar jekk hux se jappoġġja t-12-il Abbozz ta’ Liġi

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex ikun ċar dwar jekk hux se jkun qed jappoġġja t-12-il Abbozz ta’ Liġi ppreżentati minnu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jixtieq jaħdem flimkien mal-Gvern biex Malta toħroġ mill-greylist għall-ġid kollettiv tan-negozji, min iħaddem, il-ħaddiema u l-istudenti.

Fl-istqarrija kien spjegat li t-12-il Abbozz ta’ Liġi jaraw li Malta tingħata futur isbaħ billi jagħmluha post aktar sikur fejn tgħix u ġurisdizzjoni aktar serja fejn tagħmel in-negozju.

L-Abbozzi se jsaħħu l-ġurnaliżmu ħieles u s-saltna tad-dritt, filwaqt li jiġġieldu l-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja.

Il-Partit Nazzjonalista innota l-kummenti tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, li baqa’ ma kkommettix ruħu, anke wara sitt xhur li naqas milli jippreżenta dawn ir-riformi legali hu stess – xogħol li għalih qed jitħallas minn flus il-poplu.

Jekk il-Gvern jrid li jaħdem bis-serjetà flimkien għall-ġid tal-pajjiż, għandu jaħdem mal-Partit Nazzjonalista biex sal-aħħar ta’ dan ix-xahar japprova dawn l-Abbozzi ta’ Liġi, temmet tgħid l-istqarrija.