Lokali

Il-President George Vella jindirizza l-Forum Dinji taż-Żgħażagħ

Fuq stedina tal-President Eġizzjan Abdel Fattah El Sisi, il-President George Vella indirizza virtwalment il-Forum Dinji taż-Żgħażagħ li qed isir fil-jumejn li ġejjin fil-belt ta’ Sharm el-Sheikh.

Il-Forum kien ġie sospiż għal sentejn minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija u reġa’ ġie organizzat din is-sena bit-tema “COVID 19: A warning to humanity and a new hope”.

Il-President Vella, li kien l-ewwel wieħed li tkellem fost dinjitarji dinjija oħra ta’ livell għoli, faħħar lill-Eġittu talli ħadet din l-inizjattiva u laqgħet l-udjenza inklużiva u diversa magħmula minn mijiet ta’ mexxejja żgħażagħ minn kontinenti differenti. It-temi identifikati għad-diskussjoni, minbarra li huma f’waqthom, jikkonċernaw kwistjonijiet attwali peress li jvarjaw mill-irkupru wara l-COVID, għar-rwol tan-nisa, l-istabbiltà u l-paċi fid-dinja, it-tibdil fil-klima, il-provvista tal-ilma, l-enerġija u l-futur tat-teknoloġija.

Għadu importanti ħafna li jiġi evalwat mill-qrib l-impatt li għad għandha l-pandemija fuq it-tfal u l-adolexxenti. Miljuni ta’ tfal għaddew mill-esperjenza ta’ telfa kbira jew mard serju ta’ xi ħadd għażiż għalihom. Ħafna oħrajn batew minn nuqqas ta’ ikel u nuqqas ta’ tagħmir u provvisti mediċi.

F’dan il-punt kruċjali, il-komunità internazzjonali ma tistax tagħlaq għajnejha għal dawk l-iktar vulnerabbli u żied jgħid li l-familja globali jeħtieġ li tidentifika pjan ta’ rkupru għal wara l-pandemija li jkopri s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Iż-żgħażagħ, żied jgħid il-President Vella, għandhom rwol fundamentali biex iġibu bidla pożittiva u jrawmu sens tanġibbli ta’ solidarjetà. Ħeġġeġ kemm liż-żgħażagħ kif ukoll lill-adulti biex jaġixxu bħala sħab indaqs meta jindirizzaw kwistjonijiet ta’ interess komuni bħall-ġustizzja soċjali, il-koperazzjoni ekoloġika u s-sigurtà.

Il-President Vella għalaq id-diskors tiegħu billi appella liż-żgħażagħ internazzjonali biex ma jħallu l-ebda spazju għall-mibegħda, il-ksenofobija, ir-razziżmu, jew l-esklużjoni bbażati fuq l-etniċità, it-twemmin jew il-ġeneru, iżda biex minflok jaġixxu bħala aġenti ta’ djalogu u fiduċja.