Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli imut fl-età ta’ 65 sena

Il-PN isellem il-memorja ta' David Sassoli

Tilef ħajtu il-President tal-Parlament Ewropew, it-Taljan David Sassoli, fl-età ta’ 65 sena.

L-eks ġurnalist u politiku ta’ dik magħrufa f’pajjiżu bħala ċ-ċentro sinistra, kien ilu marid serjament għal dawn l-aħħar ġimgħatejn fejn kien ħassar kull attivita li kellu.

Sassoli ġie rikoverat fi sptar fl-Italja fi żmien il-festi tal-Milied wara kumplikazzjoni serja fis-sistema immuni tiegħu.

Huwa sfortunatament tilef il-battalja mal-mewt fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu fi sptar f’Aviano..b’mewtu tkun imħabbra mill-kelliem għall-President fuq Twitter.

F’Settembru tal-2021 Sassoli kien ittieħed fi sptar fi Strasburgu wara li kien qed isofri minn każ serju ta’ pulmonite madanakollu reġa’ rkupra u kompla bil-ħidma tiegħu f’Novembru.

L-eks ġurnalist u newscaster tar-Rai sar President tal-Parlament Ewropew f’Lulju tal-2019.

Huwa kien elett Membru Parlamentari Ewropew fl-2009 wara 30 sena karriera fil-ġurnaliżmu.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sellem il-memorja ta’ David Sassoli, li se jibqa’ mfakkar bħala bniedem ta’ eżempju li żamm fuq quddiem l-interessi tal-poplu Ewropew. Huwa kien ukoll bniedem li għaraf iħaddem bl-aħjar mod il-presidenza fdata lilu.

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea f’dan il-mument ta’ niket.

Ta’ min wieħed jinnota li vot sabiex jinstab is-suċċessur tiegħu diġà kien pjanat li jsir…fost il-kandidati hemm il-Viċi President tal-Parlament Ewropew u Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Permezz ta’ post fuq Twitter, Metsola saħqet li tinsab b’qalbha maqsuma.

“L-Ewropa tilfet il-leader tagħha..u jien tlift ħabib.”

Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa saħaq li ebda kliem ma jistgħu jfissru x-xokk u n-niket mal-aħbar tat-telfa ta’ Sassoli. Huwa ddeskriva lit-Taljan bħala r-raġel li mexxa lill-istituzzjoni Ewropea f’wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli.