Lokali

“Irridu niżguraw li l-membri tal-Korp ikunu protetti” – Bernard Grech

Tħassib dwar id-demoralizzazzjoni fi ħdan il-Korp

F’laqgħa mitluba mil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mal-Union li tirrappreżenta lill-Pulizija, l-MPU, ġew diskussi diversi temi li jolqtu direttament lill-uffiċjali tal-Korp.

Waħda mit-temi prinċipali kienet id-demoralizzazzjoni li hemm bħalissa fil-Korp, wara li Darren Debono tneħħietlu l-piena ta’ attentat ta’ qtil fuq żewġ membri tal-Korp fl-2010.

Bernard Grech, akkumpanjat mid-Deputat Beppe Fenech Adami u mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Ivan Castillo, qal li l-Partit Nazzjonalista qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi b’rabta ma’ dan il-każ filwaqt li qed jistenna biex jara’ jekk kienx hemm raġuni valida wara dan il-patteġġjament.

Madankollu, tenna l-ħtieġa li nipproteġu lill-membri tal-Korp li ta’ kuljum joħorġu għall-ħidma favur is-sigurtà taċ-ċittadin Malti.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni tara li dejjem tkun proattiva, li tikkonsulta u li tisma’ u li teżiġi li tkun taf dejjem dak li jkun għaddej, bħal ma qed tagħmel bħalissa biex tifhem eżatt x’inhu għaddej fil-Korp tal-Pulizija.

Hu qal li sfortunatament bħalissa hemm sentiment dejjem jikber ta’ demoralizzazzjoni għadd kbir ta’ membri tal-Korp wara l-aħħar żviluppi b’rabta mal-maħfra li ngħatat lil Debono, magħruf bħala t-Topo, meta dan kellu akkużi ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Malta Police Union, Alexander Schembri, kkonferma dan is-sentiment ta’ apatija u demoralizzazzjoni li ħakem lil ħafna membri tal-Korp.  Hu qal li dan jorbot ħafna man-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn naħa tal-awtoritajiet mal-Korp. Schembri spjega kif korrispondenza mibgħuta lill-Ministru mill-Union tibqa’ lanqas biss imwieġba, filwaqt li t-tibdil li qed isir iddeskrivih fil-biċċa l-kbira tiegħu eżerċizzju ta’ PR biex tinbena immaġni tal-Korp waqt li l-Pulizija fuq il-lant tax-xogħol mhux qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar jew motivazzjoni akbar.

Alexander Schembri kien akkumpanjat minn Neville Mercieca,, Segretarju Ġenerali tal-MPU u Marlon Hili, Viċi President tal-Union.

Hili minn naħa tiegħu tkellem ma’ NetNEWS dwar is-sentiment li hemm bħalissa fost il-meċjmbri tal-Union.

Hu qal li fl-aħħar jiem kienu ħafna l-membri tal-Union li lmentaw dwar il-mod kif l-aħħar żviluppi b’rabta mal-patteġġjament li sar mill-Avukat Ġenerali qed jispiċċa jxejjen il-motivazzjoni tal-uffiċjali. Hili qal li dak li ġara fl-aħħar ġranet juri biċ-ċar li mhux kulħadd qed jifhem x’inhu l-valur tax-xogħol tal-uffiċjal tal-Pulizija li ta’ kulhum joħroġ għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom mingħajr ma jafxu fiex se tissarraf il-ħidma tagħhom ta’ dakinhar.

Fi tmiem il-laqgħa Bernard Grech tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jistinka biex il-membri tal-Korp jingħataw kundizzjonijiet xierqa u ambjent li jimmotivahom dejjem aktar fuq xogħolhom.