Lokali

Jaħarbu milli jappoġġjaw l-abbozz ta’ liġi

Minkejja l-appell tal-Kamra tal-Kummerċ biex iż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu id f’id … u minkejja l-impenn tal-Partit Nazzjonalista … l-ebda risposta ċara dwar jekk il-Gvern hux se jappoġġja t-12-il Abbozz ta’ Liġi ppreżentati fil-jiem li għaddew biex ikunu ndirizzati nuqqasijiet li l-Gvern s’issa naqas milli jindirizza fil-ġlieda kontra l-impunità.

NET News mar jistaqsi lil-Ministri dwar dan iżda ħadd ma kkommetta ruħu. Fosthom id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li, minflok, għażel li jinfexx f’attakk kontra l-Partit Nazzjonalista.

Iżda l-verità hi li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista aċċetta r-riżenja tad-Deputat David Thake mix-Shadow Cabinet u s-sospensjoni mill-Grupp Parlamentari.

Oħrajn ippruvaw jeqilbu d-diskors …

U minkejja li mill-Inkjesta Maġisterjali qalet li l-Istat hu responsabbli għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-eks Chief of Staff f’Kastilja u llum Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern kien dejjem ċar f’dawn l-affarijiet.

U l-Ministru Silvio Schembri, lanqas biss jaf li l-Partit Nazzjonalista ressaq l-Abbozzi ta’ Liġi, tant li qal li mhux jaħdem.

Ministri oħrajn għażlu li jinjoraw il-mistoqsija ta’ NET News u jibqgħu deħlin.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex ikun ċar dwar jekk hux se jkun qed jappoġġja dawn it-12-il Abbozz ta’ Liġi, filwaqt li jekk il-Gvern irid jaħdem bis-serjetà għall-ġid tal-pajjiż, għandu jaħdem mal-Partit Nazzjonalista biex sal-aħħar ta’ dan ix-xahar japprova dawn l-Abbozzi ta’ Liġi.