Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat serq ta’ arloġġi u ħwejjeġ ftit tal-ġimgħat wara li ħareġ mill-ħabs

Raġel ta’ 30 sena, li jaħdem bħala kuċċier, u li ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ mill-ħabs wara li skonta sentenza dwar serq ġie mixli li wettaq serqa ta’ ħwejjeġ u arloġġi minn stabbiliment f’Ħal Qormi. Huwa ġie mixli li seraq erba’ arloġġi Garmon u ħwejjeġ.

Kersten Catania ta’ mill-Marsa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tal-11.30am. daħal fl-istabbiliment Decathlon fejn f’idu kellu baskett li jintuża fis-Supermarkets.

Alegatament fih tefa xi ħwejjeġ li kien seraq. Wara huwa mar ħdejn vetrina li kien fiha arloġġi prezzjużi u wara li kisser il-katnazz u minn  hemm ħa erba’ arloġġi. Hekk kif is-salesgirl marret biex tikkonfrontah u staqsietu jekk kellux bżonn xi ħaġa, huwa ħarab minn fuq il-post fejn inqabad ftit tal-ħin wara mill-ħaddiema tal-istabbiliment.

Huwa qal lil dawn il-ħaddiema li kien se jixtri dawn l-oġġetti valur ta’ €1,500 kemm jiġi lil tal-ħanut u mhux hemm jinbiegħu. Catania, li huwa magħruf sew mal-Pulizija fejn kemm il-darba spiċċa l-ħabs għal reati li wettaq ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu sikkina mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kiser l-ordni u l-paċi pubblika, li wettaq theddid u inġurji b’mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li sar reċidiv. Huwa tressaq mill-Ispettur Clayton Camilleri.

L-Ispettur Camilleri qal li Catania għadu kemm skonta piena ta’ ħames snin ħabs. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mario Caruana għamel talba għall-ħelsien mill-arrest fuq l-aspett umanitarju. Huwa qal li l-klijent tiegħu żbalja fil-passat u patta għalih, għadu ħiereġ mill-ħabs u hemm kien f’kuntatt ma’ priġunieri oħrajn. Għandu problema li jrid jmantni tifla minuri, anke jekk għandu x-xogħol tiegħu, u l- familjari qegħdin jgħinuh ukoll, wara snin il-ħabs.

Il-Qorti staqsiet kemm għandha żmien it-tifla, bl-akkużat jwieġeb, ‘għandha ħames snin u xahar’. L-Avukat kompla jgħid li Catania mill-ewwel beda jaħdem ta’ kuċċier, u saħaq li l-Faċilità Korrettiva ma tippreparx lil dak li jkun għal barra mill-ħitan ta’ Kordin, jekk ma jingħatax il-ħelsien proviżorja il-piż se jkompli jikber, huwa kompla.

L-Avukat Caruana qal lill-Qorti li l-akkużat għandu l-problema tal-vizzju tad-droga, u jekk hemm diffikultà li jingħata l-pleġġ, għandha tikkunsidra li jiġi protett u jmur ġewwa il-Forensic Unit ta’ l-isptar Monte Carmeli. L-important li jiġi riabilitat, għax fil-ħabs ma kienx hemm opportunità. Jekk jerġa’ jispiċċa hemm kollox imur ‘back to square one’, tenna l-Avukat.

L-Ispettur Clayton Camilleri qal li fejn tidħol għajnuna, din kulħadd kulħadd għandu bżonnha, imma għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u li joqgħodu fil-viċin fejn ġara l-inċident u l-fedina penali titkellem waħidha, Jekk jingħata l-pleġġ, importanti li ma jersaqx lejn dawn l-inħawi, qal il-prosekutur.

Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet jitrattaw għal għoti mill-ħelsien mill-arrest ċaħdet it-talba għal bażi tal-fatt li għad hemm xhieda pajżana li jridu jixhdu kif ukoll tal-viċinanza tar-residenza tal-akkużat għal post fejn seħħew l-allegati reati, kif ukoll tal-fedina penali kkulurita tiegħu.

Il-Maġistrat Caruana qal li raġuni oħra hija tal-fatt li dawn l-allegati reati seħħew fi żmien ta’ madwar xahar minn meta ġie rilaxxat mill-ħabs. Il-Qorti madankollu semgħet illi l-imputat għandu diffikultajiet bl-abbuża tad-droga u qed tirrakomanda lid-direttur tal-ħabs sabiex jieħu dawk il-passi neċċessarji għal għajnuna lill-imputat.

F’dan il-ħin Catania għadda xi kummenti lill-Ispettur, fis-sens li qal li kien daħaq bih, bil-Maġistrat iwissih bil-qawwa biex il-Qorti ma tispiċċax tordna lill-istess Spettur biex joħroġ akkużi oħra fil-konfront tiegħu.