Lokali

Konxju minn direct orders u irregolaritajiet oħrajn mill-Ministeru għal Għawdex

Wara dak li ġie żvelat il-Ħadd li għadda fil-gazzetta Il-Mument, fejn is-Segretarju Permanenti John Borg jidher li hu fiċ-ċentru ta’ ingaġġ ta’ ħaddiema impjegati self-employed biex jagħtu servizz lill-Ministeru f’Għawdex u ħruġ ta’ direct orders iffirmati minnu stess, illum In-Nazzjon se tkompli tiżvela aktar fatti importanti.

Jirriżulta li John Borg mhux biss fiċ-ċentru ta’ impjiegi self-employed u direct orders, iżda anki f’manuvri marbuta ma’ proġetti mill-Gvern Ċentrali, bħall- proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk fejn qed jissoktaw jingħadu
diversi allegazzjonijiet serji dwar infieq bl-addoċċ, direct orders u abbuż ta’ poter sal-punt li l-komunità Franġiskana stess fir-Rabat Għawdex għadha urtata għall- fatt li l-monument iddedikat lil San Franġisk ma kienx inawgurat minn xi ħadd minnhom fil-familja Franġiskana, iżda l-Ministru Clint Camilleri għażel lill- Monsinjur Joe Vella Gauci.

Terzi li tkellmu fit-tul ma’ In-Nazzjon dwar dawn iż-żewġ proġetti kienu żvelaw magħna li f’dawn iż-żewġ proġetti, wieħed minnhom inawgurat madwar sena u nofs ilu, jispikkaw l-infieq bl-addoċċ, id-direct orders ripetuti u abbuż ta’ poter. Qalulna li lil hinn mix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk, fejn jekk irid l-Awditur Ġenerali faċilment isib ħemel ta’ allegat ‘abbuż’ ta’ nfieq bl- addoċċ, tajjeb li wieħed issa jiffoka fuq l-inawgurazzjoni tal-monument iddedikat lil San Franġisk, deskritt bħala ta’ kobor sproporzjonat għall-post fejn jinsab.

Imma lil hinn minn hekk, għaliex dan huwa suġġett għall-interpretazzjoni, tajjebli wieħed jinvestiga ftit kif iż-żonqor li jifforma l-pedestall ta’ dan il-monument tqatta’ minn barriera f’Għawdex, iżda ntbagħat barra biex inħadem u reġa’ nġieb lura f’Għawdex. Dan meta x-xogħol kollu seta’ sar f’pajjiżna mingħajr l-intriċċi li
l-blat jintbagħat lil hinn minn xtutna.

Il-persuni li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li tajjeb li dwar dan il-monument l- Awditur Ġenerali jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u żgur li se jsib infieq bla rażan inkluż dwar il-festin tal-okkażjoni fejn il-kuntrattur tal catering spiċċa ngħata numru ta’ direct orders li kull waħda minnhom ma kinitx taqbeż l-€10,000, jiġifieri l-catering f’din l-okkażjoni ġie jiswa ferm aktar minn €10,000 iżda biex ix-xogħol seta’ jingħata lil persuna waħda, dan inqasam f’ammonti ta’ anqas minn €10,000 u x-xogħlijiet ingħataw lil membri differenti fl-istess familja!

Filwaqt li għal din l-inawgurazzjoni spikka l-fatt li kemm il-Ministru Anton Refalo u l-Eks Ministru Justyne Caruana ma kienux attendew u s-siġġijiet riservati għalihom baqgħu battala, spikka wkoll il-fatt li dan il-monument kien inawgurat minn Monsinjur Joe Vella Gauci. Dwar dan, membru fil-Komunità Franġiskana fir-Rabat Għawdex kien qalilna li hu tassew tal-mistħija kif fi Pjazza Pjazza San Franġisk, quddiem il-Kunvent dedikat lil San Franġisk, monument iddedikat ukoll lil San Franġisk… imbagħad il-Ministru Clint Camilleri ma jagħmilx stedina biex
dan il-monument ikun inawgurat minn xi ħadd Franġiskan!

“B’liema immaġinazzjoni l-Ministru Clint Camilleri għażel lill-Monsinjur Joe Vella Gauci li suppost hu Ambaxxatur għall-UNESCO, iżda dejjem hawn!” Dwar dawn l-allegazzjonijiet is-sorsi ta’ In-Nazzjon staqsew fejn kien is-
Segretarju Permanenti John Borg waqt dawn ix-xenarji.