Lokali Qorti

Kumpens ta’ aktar minn €16,000 għall-ħaddiem li weġġa f’żelqa fix-Xatt tal-Birgu

Ħaddiema li llum għandu 56 sena, ngħata kumpens mill-Qorti ta’ €16,317 wara li aktar minn 16-il sena ilu weġġa meta kien qed jiġbor iż-żejt mill-baħar fix-Xatt tal-Birgu. Minħabba l-waqa’ huwa spiċċa biex sofra minn diżabilità permanenti u kellu jsib xogħol ieħor b’anqas paga.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivil preseduta mill-Imħallef Toni Abela semgħet kif f’Lulju tal-2005 Raymond Zarb, impjegat ta’ Industrial Projects Services Limited, intbagħat fuq biċċa xogħol mitluba mill-Ministeru għat-Turiżmu. L-Imħallef Abela bidel sentenza mill-ewwel qorti li kienet qalet li l-kumpanija Industrial Projects ma kinitx l-entità responsabbli,bil-Qorti tal-Appell tibgħat l-atti tal-kawża lill-Qorti Ċivili.

Wara li sema’ l-provi l-Imħallef Abela qal  li waqt l-inċident Zarb kien żelaq hu u tielgħa fuq id-dgħajsa bl-isem “Monka” u ġie bejn id-dgħajsa u l-magna, b’idu mibruma taħtu. Huwa spiċċa biex ma setax ikompli jagħmel l-istess xogħol u kellu jsib xogħol ieħor b’paga iktar baxxa.

Zarb kien liebes l-ingwanti, ‘safety shoes,’ ‘overall’ u l-‘kit’ protettiv kollu, inkluż l-elmu u ‘visors’ li kienu pprovduti lilu, madanakollu dan seta’ ma kienx biżżejjed biex jevita l-inċident. Il-Qorti qalet li l-kumpanija naqset għal kollox milli tressaq xi evidenza li hi żammet mar-responsabbiltà tagħha li tħares dak kollu li l-liġi tistenna minnha biex tevita l-inċident. Hija qieset ukoll dak li qal il-konsulent tal-Oil Pollution Response Module, li kien jaqa’ taħt il-Ministeru għat-Turiżm.

Huwa ma kkonfermax kinux qed jintużaw ‘non-slip mats’, u ma kienx f’pożizzjoni jgħid jekk is-‘safety shoes’ kinux biżżejjed sabiex jiġi evitat iż-żliq Fid-dawl ta’ dan kollu il-Qorti ddeċidiet li l-kumpanija kienet responsabbli għall-inċident u ordnat lill-kumpanija biex tgħaddi kumpens ta’ €16,317.44ċ għad-danni.

Dawn kienu maħduma fid-dawl tat-tagħlim ġurisprudenzjali, bil-Qorti tiffissa u tillikwida fl-ammont ta’ €11,817.44 konsistenti f’salarju ta’ €9,453.95 multiplikat b’25 -il darba li jammonta għal €236,348.75. 5% ta’ dan l-ammont huwa €11,817.44. Iżżid magħhom €4,500 rappreżentanti potenzjal ta’ dħul li jitilgħu għaċ-ċifra msemmija.