Internazzjonali

Russja: ‘L-ebda attakk fuq l-Ukrajna’

Ir-Russja infurmat lill-Istati Uniti li ma għandhiex l-intenzjoni li tinvadi lill-Ukrajna wara li r-rappreżentanti tal-pajjiżi ltaqgħu għal taħditiet kruċjali f’Ġinevra (fl-Iżvizzera). Ir-Russja u l-Istati Uniti, intant, qablu li jkomplu bl-isforzi biex tonqos it-tensjoni fir-reġjun fost l-inkwiet li s-suldati Russi jaqsmu l-fruntiera komuni lejn l-artijiet tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin  ma jidhirx li t-taħditiet wasslu għal ‘żblokk konkret’ fis-sitwazzjoni fost sinjali li mal-100,000 suldati Russi għadhom qalb iz-zoni tal-fruntiera mal-Ukrajna. Għaldaqstant, il-possibbiltà ta’ ‘inkursjoni militari’ xorta waħda ma tistax tkun eskluża mija-fil-mija fiċ-ċirkustanzi.

L-Istati Uniti qalet li r-Russja jkollha tiffaċċja s-sanzjonijiet f’każ ta’ attakk fuq l-Ukrajna – b’Moska twissi lill-Istati Uniti ‘biex ma tikkalkulax ħażin l-element ta’ sogru relatat mas-sitwazzjoni tar-Russja mal-Punent’.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Ryabkov irrepeta mill-ġdid – waqt l-aħħar laqgħa mal-ġurnalisti —  li ‘ir-Russja ma għandha l-ebda pjan għal xi attakk militari fuq l-Ukrajna’.