Internazzjonali

Stati Uniti: Trapjant storiku b’qalb ta’ ħanżir ġenetikament modifikat

Raġel Amerikan sar l-ewwel fid-dinja li għadda minn trapjant tal-qalb ta’ ħanżir ġenetikament immodifikat. Ir-rapporti qalu li David Bennett, ta’ 57 sena, ‘jinsab tajjeb’ wara l-proċedura sperimentali li damet għal seba’ sigħat fl-Istat ta’ Baltimore. It-trapjant kien l-aħħar tama għal Bennett, għalkemm għadu mhux ċar, għalissa, jekk il-proċedura għandhiex tgħinu ‘biex jgħix ħafna aktar fit-tul’.

Madankollu, il-proċedura sperimentali kienet każ ta’ ‘ħajja jew mewt’ għal Bennett li daħal għal din l-operazzjoni konxju mill-fatt li din kienet l-aħħar opportunità għalih peress li kien qed ibati minn marda tal-qalb terminali.

It-tobba tal-University of Maryland Medical Center ingħataw permess speċjali għall-kirurġija partikulari mingħand ir-regolatur mediku tal-Istati Uniti. Dan fuq il-bażi li David Bennett kellu jiffaċċja mewta imminenti mingħajr it-trapjant rivoluzzjonarju. Hu minnu li Bennett kien ineliġibbli għal trapjant bil-qalb ta’ bniedem, b’din id-deċiżjoni ta’ spiss tittieħed mit-tobba f’każi fejn il-pazjent ikun fi stat ta’ saħħa ħażin ferm.

Intant, ir-riżultat tat-trapjant qed jitqies bħala ‘premju’ għal snin ta’ riċerka – bil-proċedura kapaċi tibdel il-ħajja tan-nies madwar id-dinja.

Il-ħanżir li ntuża għat-trapjant kien immodifikat b’mod li elimina l-elementi tal-ġenetika li setgħu ‘ma qablux’ mal-ġisem ta’ Bennett,. U wara li rnexxa l-esperiment, id-dinja tista’ tkun ‘eqreb ta’ soluzzjoni għan-nuqqas tal-organi tal-ġisem validi għal trapjanti rivoluzzjonarji ta’ dan it-tip’.